“Jekk inkun għadni ħajja” – Chetcuti lil sħabha huma u jippjanaw ħarġa

Aġġornat 03:59 PM

Read in English.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, li nqatlet fi Frar li għadda permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina. Il-kumpilazzjoni qed issir kontra r-raġel ta’ 33 sena akkużat bil-qtil tagħha. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda saret illum

Justin Borg minn Ħal Safi qed ikun akkużat li qatel lil Chetcuti permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina f’Ħaż-Żabbar. Hi kienet mietet 24 siegħa wara l-inċident. L-allegat aggressur huwa l-eks sieħeb tal-mara. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. 

Il-każ se jkompli fl-20 ta’ Awwissu fid-9am u fid-29 ta’ Settembru fil-11am.

Xi spikka fis-smigħ tal-lum?

  • Fil-Qorti kienet ippreżentata USB bil-konverżazzjonijiet permezz ta’ chats ta’ bejn il-vittma u l-akkużat.
  • “Qabel ma kellhom it-tfal, l-akkużat kien bagħtilha ittra fejn qalilha li jekk ma tkunx miegħu joqtol lilu nnifsu b’overdose” – il-kuġina ta’ Chantelle.
  • “Kont ilni inkwetata għaliha 10 ijiem meta kien ħabat f’ħajt u hi kienet passiġġiera fil-karozza” – il-kuġina ta’ Chantelle.
  • Chetcuti ma riditx tmur lura d-dar għax ma kinitx ċerta jekk riditx terġa’ tidħol f’relazzjoni miegħu.
  • Kuġintha ftakret kif is-sena li għaddiet marru l-festa ta’ Ħaż-Żabbar mingħajr ma qalu lil Borg. Hu sar jaf u tfaċċa l-festa. Huma spiċċaw bl-akkużat jiġri warajhom fit-toroq.
  • “Dakinhar li nqatlet kellna mmorru picnic flimkien imma mbagħad iddeċidiet li toħroġ,” qalet il-ħabiba tal-vittma.
13:30 Is-smigħ tax-xhieda għal-lum jintemm hawn. Grazzi talli segwejtuna.
Nicole Borg
13:23 Dr Camilleri staqsiet dwar il-Ħadd meta Chetcuti nqatlet.

"Meta semmiet l-isem tal-persuna li kienet se tiltaqa' miegħu dakinhar għall-ewwel darba?"

Ix-xhud qalet li dan kien waqt il-festa ta' Ħaż-Żabbar u dakinhar li nqatlet għax iltaqgħet miegħu. Chetcuti waqfet issimmieh meta reġgħet irranġat mal-akkużat.
Nicole Borg
13:20 Fil-kontro-eżami tax-xhud, Dr Camilleri staqsiet dwar it-titjiriet li kien xtara Borg għalih u għall-vittma.

Ix-xhud qalet li l-akkużat kien insista li jixtri t-titjiriet minkejja li l-vittma ma riditux jagħmel dan.
Nicole Borg
13:18 Hi spjegat kif Chetcuti ma riditx tmur lura d-dar għax ma kinitx ċerta jekk riditx terġa' tidħol f'relazzjoni miegħu.
Nicole Borg
13:15 Hi kompliet tgħid kif wara li ħassru, Borg kien isegwi lil Chetcuti kullimkien. Huma ħassru f'Settembru tal-2019 u f'Jannar tal-2020.

L-akkużat kien ippropona lill-vittma. Hi kienet telqet mid-dar meta ma baqgħux flimkien f'Settembru.
Nicole Borg
13:12 Ix-xhud irrakkuntat każ ta' stalking. Jumejn qabel il-qtil huma kienu ħarġu jixorbu flimkien u Borg kien qed jistaħba viċin fejn kienu huma. Qalet li dak il-lejl kien segwiha kullimkien.
Nicole Borg
13:11 L-Ispettur tal-Pulizija staqsa għaliex il-vittma kienet qalet il-kliem "jekk inkun għadni ħajja".

Ix-xhurd qalet li kienet tibża' li l-akkużat kien se jsawwatha.
Nicole Borg
13:06 Ix-xhud li jmiss hija ħabiba tal-vittma u kuġintha. Hi kien ilha tafha 16-il sena.

"Dakinhar li nqatlet kellna mmorru picnic flimkien imma mbagħad iddeċidiet li toħroġ," qalet ix-xhud fil-Qorti. Chetcuti kienet qaltilha li ħarġet.

Fil-group chat u fiċ-chat privata magħha kienet titkellem dwar dak li kien iħassibha u jbeżżagħha, qalet ix-xhud dwar Chetcuti. Spjegat li hi kienet tibża' li se tinqatel u li kienet qalet lil sħabha l-kliem "jekk inkun għadni ħajja" meta kienu qed jippjanaw li jitilgħu Għawdex flimkien.

Chetcuti kienet ħassret minn mal-akkużat f'Settembru tal-2019.
Nicole Borg
13:04 Ix-xhud qalet li pprintajt iċ-chats li kellha ma' Chetcuti għax ħasset li kienu relevanti għall-proċedimenti fil-Qorti.
Nicole Borg
13:01 Dr Camilleri staqsiet jekk il-vittma kinitx qiegħda mar-raġel li kienet miegħu dakinhar li nqatlet.

Kuġintha qalet li Chetcuti kienet iltaqgħet ma' raġel waqt il-fest ta' Ħaż-Żabbar. Hi kienet waqfet tiltaqa' miegħu meta hi u l-akkużat bdew jippruvaw jirranġaw ir-relazzjoni. Hi mbagħad kienet iltaqgħet miegħu dakinhar li nqatlet.
Nicole Borg
13:00 Hi spjegat li Chetcuti qatt ma ħadmet għax kienet toqgħod mat-tfal. Wara li ħarbet mid-dar tagħhom, marret tgħix ma' ommha.
Nicole Borg
12:57 Dr Camilleri qed tagħmel il-kontro-eżami tax-xhud. Hi staqsiet jekk il-vittma kinitx qed torqod għand l-akkużat frekwentament sa meta seħħ l-inċident. Ix-xhud qalet li l-vittma ġieli kienet torqod għandu.
Nicole Borg
12:54 Il-vittma qalet li kienet saret taf minn ħabiba tagħha dwar il-qtil.

Hi ċemplet lil oħt il-vittma li kkonfermat u aktar tard qaltilha li "kien hemm ħafna dmija".

Qalet li l-ambulanza kellha tieqaf kemm-il darba għax hi kienet f'riskju li tmut.
Nicole Borg
12:51 Il-vittma kienet tħossha bħal donnha kienet maħruba.

Ix-xhud qed taqra minn chat li kellha ma' Chetcuti dak il-Ħadd meta nqatlet.
Nicole Borg
12:48 Ix-xhud ipprintjat xi chats bejnietha u l-vittma. Hi qalet fil-Qorti li kienu qed jippjanaw li jitilgħu Għawdex fi grupp. Ix-xhud qalet fil-Qorti li ppjanaw li jixtru parrokki għall-karnival u Chetcuti kienet qaltilhom "jekk inkun għadni ħajja".
Nicole Borg
12:46 "Dakinhar kont inkwetata għaliha. Kont ilni inkwetata għaliha għal 10 ijimie, meta kien ħabat f'ħajt u hi kienet passiġġiera fl-istess karozza," qalet kuġintha fil-Qorti.
Nicole Borg
12:45 Ix-xhud qalet li Borg beda jmur postijiet fejn kienu jmorru hi u kuġintha. Postijiet li hu qatt ma kien jiffrekwenta.
Nicole Borg
12:42 Ix-xhud qed titkellem dwar episodji deskritti bħala stalking, id-dettalji tagħhom ma jistgħux ikunu ppubblikati.
Nicole Borg
12:38 Spjegat kif jumejn qabel ma nqatlet l-akkużat u l-vittma marru mixja. Huma kienu qed imorru għat-terapija tal-familja.

Wara li telaq, Borg ħabat f'ħajt. Il-kuġina qalet fil-Qorti li Borg għamel dan apposta għax din kienet triq li kienu jużaw frekwentament.

Chetcuti kienet imbagħad marret id-dar ta' kuġintha. Hi insistiet li toħodha għand il-pulizija biex tagħmel rapport wara li l-akkużat ried imur għaliha u jmorru flimkien għand il-pulizija.
Nicole Borg
12:36 Kuġintha ftakret kif is-sena li għaddiet marru l-festa ta' Ħaż-Żabbar mingħajr ma qalu lil Borg. Hu sar jaf u tfaċċa l-festa. Huma spiċċaw bl-akkużat jiġri warajhom fit-toroq.
Nicole Borg
12:35 Il-maġistrat qalet li minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, dak li qed tgħid ix-xhud se jkun aċċettat u se jitwieżen kif suppost.
Nicole Borg
12:35 Dr Camilleri qalet li dan kollu huwa hearsay u b'hekk m'għandux relevanza għall-każ.
Nicole Borg
12:33 "Qaltli li kienet aċċettat li Borg kien qed ikun aggressiv fil-konfront tagħha. Qalet li kienet tafdah sakemm saret taf li kien qed jaqlibielha. Sabet titjiriet imħallsa u li kien sellef xi flus lill-familja tal-mara li kien qed jaqlibielha magħha," qalet kuġintha.
Nicole Borg
12:32 Hi qalet li għal xi żmien hi u Chetcuti ma kinux baqgħu jiltaqgħu ħafna. Spjegat iżda li madwar sena ilu reġgħu bdew jiltaqgħu aktar.

Hi rrakkuntatt il-każi ta' vjolenza domestika. Qalet li omm l-akkużat kienet konxja ta' ċertu affarijiet.
Nicole Borg
12:30 Hi spjegat kif qabel ma kellhom it-tfal, Borg kien bagħat ittra lil Chetcuti jgħidilha li jekk ma tkunx miegħu u kien se joqtol lilu nniffsu b'overdose.
Nicole Borg
12:29 Kuġintha spjegat li madwar 20 sena ilu, Borg kien jitfaċċa quddiem id-dar tagħha u joqgħod iwaddbilha l-ġebel mat-tieqa biex toħroġ.

Hi qalet li r-realtà hi li Chetcuti qatt ma riedet tkun miegħu.
Nicole Borg
12:27 Il-kuġina ta' Chetcuti titla' tixhed. Hi sentejn iżgħar mill-vittma u kibru flimkien.
Nicole Borg
12:25 Dr Camilleri staqsiet jekk kienx hemm aktar konverżazzjonijiet u għaliex ħass il-bżonn li jkunu estratti dawn il-konverżazzjonijiet.

Hu spjega li l-messaġġi kollha kienu ttieħdu u kienu tpoġġew f'folders separati.
Nicole Borg
12:25 Cutajar spjega li meta sar jaf li l-Maġistrat infurmatu li l-vittma kienet qed tissielet għal ħajjitha, hu talab għall-permess biex jaċċessa l-mobile permezz ta' data bijometrika.
Nicole Borg
12:23 Iċ-chats bejn l-akkużat u l-vittma qed jiġu ppreżentati ġo USB. Il-Maġistrat staqsiet jekk iċ-chats kienux ipprintjati.

Cutajar spjega li minħabba li dawn kien ilhom żmien twil flimkien, il-konverżazzjonijiet kienu twal ħafna.
Nicole Borg
12:22 L-akkużat ma riedx jagħti l-password tal-mobile tiegħu u b'hekk il-pulizija ma setgħux jaċċessaw il-mobile.
Nicole Borg
12:20 L-espert tal-Qorti tal-IT, Keith Cutajar, jitla' jixhed. hu spjega li r-rapport jiddokumenti erba' postijiet minn fejn ittieħdu filmati tas-CCTV.

Il-mobile tal-vittma kien ikkonfiskat. Hu spjega li ried permess biex iżur il-vittma waqt li kienet fl-ITU biex jieħu l-informazzjoni bijometrika.

L-espert tal-qorti spjega li d-diskursati bejn il-vittma u l-akkużat kienu estratti mill-mobile.
Nicole Borg
12:19 Il-Maġistrat Montebello qalet li d-deċiżjoni tittieħed każ każ, u appellat biex il-ġurnalisti joqgħodu attenti x'jippubblikaw.
Nicole Borg
12:17 Dr Camilleri rrimarkat li l-akkużat u l-vittma għandhom it-tfal u dawn qed iħossu pressjoni. Hi talbet biex il-proċeduri jsiru wara bibien magħluqa jew inkella ċertu dettalji tal-każ ma jkunux ippubblikati.
Nicole Borg
12:16 Il-Maġistrat Rachel Montebello daħlet fl-awla.
Nicole Borg
12:15 L-akkużat jidħol fl-awla.
Nicole Borg
12:14 Preżenti fl-awla hemm l-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra, l-avukati tad-difiża Dr Marion Camilleri u Dr Francesca Zarb. Il-kumpilazzjoni qed tistema' f'awla ħamsa.
Nicole Borg
12:10 Bħalissa l-ġurnalisti qed jistennew barra l-awla sabiex tkun tista' tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-lum.
Nicole Borg
12:02 Waranofsinhar it-tajjeb u nilqgħukhom għal dan il-blogg ta' Newsbook.com.mt
Nicole Borg

Ir-raġel ġie akkużat ukoll li kien qed iġorr sikkinna waqt li kienet qed titwettaw kriminalità kontra persuna oħra, li kien qed iġorr sikkina mingħajr il-permessi meħtieġa, li kien fil-pussess tad-droga kokaina u li kiser il-paċi pubblika.

Chetcuti sofriet minn diversi daqqiet ta’ sikkina fin-naħa ta’ fuq ta’ ġisimha u darba f’nagħsa u tħalliet mitlufa minn sensiha mal-art għal xi ħin wara l-attakk.

L-akkużat radd ruħu lill-Pulizija wara l-attakk. Hu kien miksi bid-demm u kellu xi ġrieħi li ġie trattat għalihom qabel ma ġie interrogat. Il-Pulizija sabet id-droga fuq l-akkużat meta għamlet it-tfittxijiet fuqu.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużat. L-avukat Stephanie Caruana qed tirrappreżenta l-parte civile.

Il-Qorti hija ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello.