“Ħu azzjoni dwar il-korruzzjoni” – L-MEPs tal-PN lil Abela

Read in English.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa ltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela fejn talbuh jieħu azzjoni immedjata dwar il-lista twila ta’ korruzzjoni fil-pajjiż. Huma ltaqgħu ma’ Abela fil-Parlament Ewropew fejn talbuh ukoll jassigura li ssir ġustizzja fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, ġie spjegat li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista għamluha ċara li hemm bżonn jittieħdu azzjonijiet konkreti u immedjati.

L-MEPs qalu li Abela ġie elett bħala Prim Ministru f’sitwazzjoni li mhix normali, wara li Joseph Muscat ma tħalla bl-ebda għażla ħlief li jirreżenja minħabba allegat involviment tal-uffiċċju tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista. Sostnew li l-ġranet ta’ Abela fl-uffiċċju tal-Prim Ministru għandhom jaraw mhux li jkompli għaddej kollox business as usual, imma hemm bżonn li jassigura li d-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu minn ta’ qablu mhux biss jitranġaw imma jara li ssir ġustizzja.

Min-naħa tiegħu, Casa sostna li fost l-azzjonijiet li jrid jieħu Abela, hemm li jara li l-politiċi involuti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus jitressqu quddiem il-Qrati tal-ġustizzja. Hu semma b’mod partikolari lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u anke lil Joseph Muscat. Qal li hemm bżonn li kuntratti korrotti bħal dawk tal-Powerstation, il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet u l-bejgħ tal-passaport Malti jitwaqqfu b’mod immedjat. Hu qal ukoll li persuni li jokkupaw karigi pubbliċi u li matul is-snin ipproteġew lill-politiċi korrotti għandhom jitneħħew ukoll u jiġu investigati. Qal li dawn jinkludu l-Avukat Ġenerali, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawerence Cutajar.

Intant, Metsola qalet li d-delegazzjoni lesta li tkompli tagħmel dak kollu li hemm bżonn biex titfa dawl fuq l-azzjonijiet ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi u tinsisti li dawn ma jirrappreżentawx lill-poplu Malti u Għawdxi. Insistiet li hemm biżżejjed evidenza u xhieda sabiex tittieħed azzjoni dwarhom. Sostniet li l-unika mod kif l-istituzzjonijiet Ewropej u dawk internazzjonali jistgħu jemmnu li l-Gvern Malti lest jirriforma ruħu huwa billi l-kriminali u l-korrotti jħallsu ta’ għemilhom.

“Ikun aħjar li Casa u Metsola jaħdmu f’isem Malta” – PL

Intant, f’reazzjoni għal din l-istqarrija, il-Partit Laburista sostna li jkun aħjar jekk Metsola u Casa jaħdmu f’isem Malta minflok għall-interessi partiġġjani tagħhom. Il-PL qal li filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela qed jitkellem mal-istituzzjonijiet kollha Ewropej sabiex ikompli jwassal il-messaġġ li Malta qed taħdem qatigħ favur is-saltna tad-dritt u l-Governanza tajba, l-MEPs tal-PN, għażlu li jippolitiċiżaw laqgħa mitluba mill-Prim Ministru bħala sinjal ta’ rieda li jkun hemm aktar djalogu magħhom.

Il-PL qal ukoll li l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola ma laqgħux lanqas it-talba li għamel il-Prim Ministru li l-laqgħa tal-lum ma ssirx bejn il-MPE tal-Partit Laburista u dawk tal-Partit Nazzjonalista iżda bħala Membri Parlamentari Ewropej Maltin flimkien.