Ħtif bastiment: Il-Kummissarju għat-Tfal tistaqsi dwar il-minuri mressqa l-Qorti

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

L-Uffiċċju tal-Kummissarji għat-Tfal qal li staqsa dwar il-minuri li tressqu l-Qorti akkużati li ħatfu l-basiment El Hiblu 1 wara li ġew salvati mill-għarqa. It-tliet żgħażagħ li għandhom 15, 16 u 19-il sena ġew akkużati li ħatfu l-bastiment li salva madwar 100 immigrant mill-għarqa. Fost dawk salvati kien hemm bosta nisa u tfal.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Kummissarju għat-Tfal dwar il-każ fejn staqsa għar-reazzjoni dwar il-mod kif dawn iż-żgħażagħ tressqu l-Qorti, esposti għall-pubbliku mill-bieb ta’ quddiem tal-Qorti. Staqsa wkoll jekk il-Kummissarju hux se tkun qed issegwi l-Qorti u jekk hux se jkun hemm rappreżentanza tal-Uffiċċju waqt is-smigħ.

3 żgħażagħ jinżammu taħt arrest wara li “ħatfu bastiment”

Kelliema għall-Uffiċċju tal-Kummissarju qal li l-Uffiċċju talab għal dettalji dwar il-minuri involuti u qalu li l-assessjar tal-età tagħhom għadu pendenti. L-Uffiċċju qal li ġew infurmati li l-awtoritajiet relevanti qed jinvestigaw il-każ.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li malli l-assessjar tal-età jitlesta u jiġi kkonfermat li huma minuri, huma jitpoġġew taħt kustodja u jiġu assenjati ħaddiem soċjali. S’issa għadu mhux ċar jekk iż-żgħażagħ hux se jitkomplew jitressqu l-Qorti flimkien jew separatament. Din l-għażla ssir mill-Avukat Ġenerali.

Is-Sibt li għadda, il-Qorti pprojbiet l-ippubblikar tal-ismijiet tal-minuri, madanakollu dawn iddaħħlu l-Qorti mill-bieb prinċipali minflok mill-bieb ta’ wara li jinsab fi Strada Stretta. Dan qajjem tħassib dwar jekk ir-ritratti u l-filmati ppubblikati mill-midja kienux qed imorru kontra Artikli 8 u 11 tal-Att tal-Qorti Kriminali għall-Minorenni.