Ħtieġa ta’ skrutinju wiċċ imb wiċċ għal kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija – PN

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li qed tinsisti biex jibdew isiru hearings effettivi li jsiru wiċċ imb wiċċ mal-persuna nominata għal xi kariga għolja fis-settur pubbliku.
Fi stqarrija, l-Oppożizzjoni qalet li fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’ tal-Partit Nazzjonalista, ġie ppropost li jsir skrutinju effettiv għal karigi bħal dawk tal-Kap taċ-Ċivil, il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Kap tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u l-membri ta’ korpi kostituzzjonali bħall-Awtorità tax-Xandir, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni dwar l-Impjiegi.
L-Oppożizzjoni ħabbret li se tkun qed tressaq emendi għall-Abbozz ta’ Liġi bl-isem ‘Public Administration Act’.
Stqarret li l-abbozz ta’ liġi li ppreżenta l-Gvern bħalissa ma jinkludix skrutinju effettiv għaliex mhemmx l-obbligu li jsiru hearings fil-Parlament.
L-Oppożizzjoni kompliet tgħid li l-Gvern ippropona li jsiru mistoqsijiet bil-miktub, fejn il-Ministru jservi biss ta’ messaġġier bejn il-persuna nominata u l-Parlament.