Ħtieġa ta’ pressjoni internazzjonali għall-paċi fil-Yemen

Kriżi umanitarja fil-Yemen (ANSA)

Filwaqt li l-kunflitt fil-Yemen għadu għaddej, l-Isqof Paul Hinder, il-Vigarju Apostoliku tal-Arabja Sawdita, qal li hemm bżonn li l-komunità internazzjonali għandha tagħmel pressjoni biex dawk involuti jinġabru madwar il-mejda tan-negozjati.

Il-gwerra ċivili fil-Yemen hi deskritta bħala il-kunflitt minsi tad-dinja u u wara ħames snin ma hemm ebda sinjal li l-ġlied qed jieqaf jew ibatti.  Dan il-ġlied beda meta ribelli Musulmani Houthi, bl-appoġġ tal-Iran, ħadu taħt idejhom il-belt kapitali Sanaa.

Illum ir-ribelli Houthi għadhom jikkontrollaw partijiet kbar fit-tramuntana tal-pajjiż filwaqt li koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdit flimkien mal-Gvern rikonoxxut internazzjonalment immexxi minn Abed Rabbo Mansour Hadi qed tiġġildilhom.

Traffikar ta’ armi

Il-ġimgħa li għaddiet il-forza navali Amerikana kkonfermat li wieħed mill-bastimenti tagħha interċetta u kkonfiska ħażna kbira ta’ partijiet minn missili li kienu destinati għaro-ribelli fil-Yemen.  Il-Pentagon qal li hemm suspett li dawn kienu ġejjin mill-Iran.

Din ma kinitx l-ewwel darba li nqabdu armamenti li kienu destinati għall-Yemen. Bejn l-2015 u l-2016 kien hemm diversi okkażjonijiet li l-Istati Uniti qabdu armamementi ġejjin mill-Iran, waqt spezzjonijiet li jagħmlu fuq l-ibħra internazzjonali.

F’kumment lir-Radju tal-Vatikan, l-Isqof Paul Hinder qal li “hemm wisq nies li qed jipprofittaw ruħhom minn din il-gwerra permezz tat-traffikar tal-armi li huma l-qofol ta’ din il-problema kbira”.

Djalogu għal soluzzjoni

Problema oħra li semma l-Isqof hi li ebda waħda mill-partijiet involuti fil-kunflitt ma jridu jidhru li qed iċedu u allura il-proċess ta’ negozjati jista’ jkun diffiċli.

Minkejja l-isforzi mill-komunità internazzjonali biex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi, l-Isqof Hinder sostna li jridu jsiru sforzi wkoll biex jibdew in-negozjati.

“Ma nafux min hu lest jasal għal ftehim u jwaqqaf din il-gwerra bla sens u nħoss li l-komunità internazzjonali u n-Nazzjonijiet Uniti  mhux qed jagħmlu pressjoni biżżejjed. Jekk ma jkunx hemm din il-pressjoni minn barra se jkun diffiċli li n-nies jersqu madwar il-mejda tad-djalogu”, sostna l-Isqof.

Kriżi umanitarja

Barra li din tal-Yemen hi gwerra minsija, hi wkoll kunflitt li wassal għall-agħar kriżi umanitarja fid-dinja.

Skont l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-gwerra ċivili f’dan il-pajjiż piegħlet 4.3 miljun persuna biex jaħarbu minn djarhom filwaqt li madwar 80% tal-popolazzjoni, jiġifieri madwar 24 miljun persuna għandhom bżonn għajnuna umanitarja immedjatament.

Meta tkellem dwar it-tbatija kbira li minnha għaddej dan il-poplu f’dawn l-aħħar snin, l-Isqof Hinder qal li aktar ma jitwal dan il-kunflitt qed ikollha effett kbir fuq il-poplu li donnu qed issir immune għal dan il-flaġell. “Għalhekk meta nitkellmu fuq il-gwerra tal-Yemen, il-gwerra minsija għax tinsab il-bogħod mill-interess tad-dinja”, temm jgħid l-Isqof.