Ħtieġa ta’ kwalità aħjar fix-xandir lokali – L-Arċisqof waqt żjara mill-Awtorità tax-Xandir

MIguela Xuereb

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar il-ħtieġa ta’ kwalità aħjar fix-xandir lokali b’mod ġenerali. Dan ħareġ fi stqarrija mill-Awtorità tax-Xandir wara żjara kordjali li għamlet lill-Arċisqof fl-okkażjoni tad-59 anniversarju mit-twaqqif tagħhom.

Kien spjegat li matul il-laqgħa li saret fil-15 ta’ Ottubru, huma tkellmu dwar il-qagħda tal-istazzjonijiet u tax-xandir, kif ukoll dwar ir-rwol tar-regolatur f’soċjetà fejn il-midja dejjem qed tiżviluppa.

Iċ-Chairman tal-Awtorità Frank Farrugia u l-Kap Eżekuttiv Joanna Spiteri, flimkien mal-membri tal-bord, enfasizzaw li l-Awtorità tax-Xandir qegħda hemm għall-ħarsien tal-interess pubbliku, tal-konsumaturi tal-midja u għall-protezzjoni tal-minuri u l-vulnerabbli.  Kien spjegat li minkejja li tirregola għandha responsabbilta li tara li l-midja qed tagħti servizz u programmi ta’ kwalita, dan minkejja l-kritika li jkollha li mhijiex qed timxi maż-żminijiet.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar id-diffikultatijiet li ġabet magħha l-pandemija għall-midja minħabba li naqas ir-reklamar li fuqu jiddependu l-organizzazzjonijiet tal-media. Spjega li minkejja s-sitwazzjoni preżenti, il-Knisja baqghet tagħti s-servizz ta’ quddiesa kuljum u għal dan l-Arċisqof irringrazzja b’mod partikolari s-servizz ta’ xandir pubbliku għall-koperazzjoni li sab biex il-Quddiesa tasal fid-djar u b’hekk il-Knisja tkompli tkun ta’ servizz u ta’ sostenn għan-nies.