Ħtieġa li niddefendu l-Libertà Reliġjuża madwar id-dinja

Żewġ ġurnalisti ta’ Reuters, KyawSoeOo, (xellug), u Wa Lone, jidheru ħerġin immanettjati mill-Qorti ta’ Yangon, fi Myanmar (Credit: AP Photo/Thein Zaw, File.)

Nhar it-Tlieta li għadda, l-Qorti Suprema fi Myanmar ċaħdet l-appell ta’ żewġ    ġurnalisti  tal-aġenzija Reuters, Kyaw Soe Oo u Wa Lone u kkonfermat sentenza ta’ seba’ snin ħabs fil-konfront tagħhom għal  rapporti li għamlu dwar is-swat minn membri tal-armati fuq Musulmani Rohingya.

Ironikament, iż-żewġ ġurnalisti u sħabhom ftit jiem ilu ngħataw il-Premju Pulitzer għar-rappurtaġġ internazzjonali tagħhom.

Dik li l-Papa Franġisku nhar il-Ħadd li għadda ddeskriva bħala “vjolenza krudili” mwettqa fuq l-insara fi Sri Lanka fejn f’attakki fuq knejjes u lukandi nqatlu aktar minn 300 persuna, hi affronta fuq l-umanità kollha kemm hi.  Imma hi wkoll sejħa urġenti biex niddefendu l-Libertà Reliġjuża madwar id-dinja kollha.

Sejħa urġenti

Illum, il-libertà reliġjuża fid-dinja m’hix kwestjoni ta’ prinċipju imma sejħa urġenti biex is-sigurtà reliġjuża tingħata prijorità għax f’dawk il-postijiet fejn id-drittijiet tal-minoranzi reliġjuż’i jibdew jitnaqqru, kważi dejjem jispiċċaw maqbuda fi vjolenza li thedded l-istabilità fid-dinja.

Għalhekk, is-sentenza tal-Qorti Suprema ta’ Myanmar il-ġimgħa li għaddiet hi ta’  tħassib. Iż-żewġ ġurnalisti kundannati kixfu l-massakru ta’ 10 Rohingya li seħħ fl-istat ta’ Rakhina fi Myanmar, f’Settembru tal-2017.  Huma rrappurtaw li Buddisti f’dan ir-raħal kien ħaffru qabar tal-massa u fih waddbu żewħ rohingya sakemm qatluhom.  It-tmienja l-oħra midfuna fl-istess qabar inqatlu meta sparaw fuqhom membri tal-armata.

Skont il-grupp  Christian Solidarity Worldwide, is-sena li għaddiet uffiċjal tal-pulizija stqarr li kienu saru rapporti sigrieti dwar iż-żewġ ġurnalisti. Dan il-pulizija kien arrestat u akkużat li kiser il-Kodiċi ta’ Dixxiplina tal-Pulizija.  Pulizija ieħor ammetta li l-imsemmija dokumenti kienu diġa ġew pubblikati fil-media u ma kienu sigrieti xejn filwaqt li pulizija ieħor qal li kien ħaraq in-noti li kien żamm dwar il-każ taż-żewġ ġurnalisti ta’ Reuters.

Minkejja dan kollu, Wa Lone u KyawSoeOo diġà ilhom 16-il xahar fil-ħabs u issa ma hemmx tama li se jinħelsu malajr.

Dan il-każ barra li jqajjem kwestjonijiet dwar il-Libertà tal-Istampa jinvolvi wkoll kwestjonijiet ta’ Libertà Reliġjuża għaliex ir-Rohingya huma persegwitati minħabba l-identità Musulmana tagħhom. Dan il-poplu hu mċaħħad miċ-ċittadinanza ta’ Myanmar u spiss ikunu l-mira ta’ attakki mill-militar tal-pajjiż tant li mijiet ta’ eluf minnhom illum marru jgħixu fil-Bangladesh u pajjiżi oħra fil-qrib.

10,000 Rohingya maqtula f’sentejn

Mill-2017 ‘l hawn hu kalkulat li l-militar u Buddisti estremi qatlu madwar 10,000 Rohingya. Meta l-Papa Franġisku żar dan il-pajjiż f’Diċembru 2017 kien qal li “Il-preżenza ta’ Kristu llum tissejjaħ ukoll Rohingya. It-traġedja tagħkom hi ħarxa u kbira. Intom għandkom post f’qalbna. F’isem dawk li jippersegwitawkom, dawk li jweġġgħukom u speċjalment f’isem l-indifferenza tad-dinja, nitlobkom maħfra. Aħfrulna”.

Il-Knejjes insara fil-pajjiż ingħalqu u maħruqa mill-Armata u għexieren ta’ nsara sfaw arrestati jew maħtufa. Illum hemm aktar minn 100,000 nisrani ta’ Myanmar li qed jgħixu f’kampijiet fejn m’għandhomx aċċess għal biżżejjed ilma u ikel u kura medika.  Patrijiet Buddisti radikali bil-kompjaċenza tal-Gvern invadew proprjetà tal-knejjes u fuqhom bnew santwarji Buddisti.

B’reazzjoni għas-sentenza tal-Qorti Suprema ta’ ftit jiem ilu, l-assoċjazzjoni “Christian Solidarity Worldwide” għamlet sejħa għal azzjoni.  “Din id-deċiżjoni hi paġna kerha għal-libertà tal-istampa fil-pajjiż u titfa’ lura t-tama li fi Myanmar ikun hemm demokrazija vera. Li l-Qorti Suprema kkonfermat is-sentenza ta’ ħabs kontra ż-żewġ ġurnalisti minkejja xhieda konkreta li lil dawn għamlulhom “frame up” hi affront serju għas-Saltna tad-Dritt.

“Il-komunità internazzjonali għandha tagħmel protesta ċara u titlob il-ħelsien immedjata ta’ dawn iż-żewġ ġurnalisti”, qal il-kelliem tal-organizazzjoni għas-Solidarjetà Nisranija Internazzjonali.