“Bżonn li l-Għawdxin u r-refuġjati jintegraw aktar” – Il-Ministru Caruana

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, qalet li ż-żieda prominenti tar-refuġjati f’Għawdex tfisser li jrid isir aktar f’termini ta’ strutturi u kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħra sabiex dawn jintegraw aħjar mal-Għawdxin.
Il-Ministru qalet dan waqt laqgħa li kellha mar-rappreżentant tal-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR), Kahin Ismail.
Il-Ministru Caruana kompliet tgħid li hemm sfidi kbar relatati ma’ preġudizzji u esklużjoni, u għalhekk trid issir ħidma biex dawn jingħelbu f’kuntest li ħadd ma jħossu eskluż u li kulħadd iħossu komdu fil-komunità lokali.
Sostniet li għandu jkun hemm servizz li jkun komprensiv, immirat u ffukat biex jindirizza l-bżonnijiet immedjati tar-refuġjati li jgħixu Għawdex.
Hija temmet trodd ħajr lill-Knisja u entitajiet oħra li joffru s-servizzi tagħhom b’risq ir-refuġjati u appellat lir-rappreżentanti tal-UNHCR biex jikber il-kuntatt dirett u frekwenti mar-realtaijiet Għawdxin f’dan il-qasam.
Ritratt: MGOZ – George Spiteri