“Ħtieġa li jinkisbu r-riżultati tal-miżuri diġà maqbula għall-immigrazzjoni”

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela pparteċipa f’laqgħa informali tal-Ministri Ewropej għall-Intern li saret f’Amsterdam.
Id-diskussjoni ffukat fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-isfida tal-immigrazzjoni.
Carmelo Abela saħaq fuq l-importanza li jibdew jinkisbu r-riżultat tal-miżuri li diġà kien hemm qbil fuqhom b’mod speċjali r-rilokazzjoni u d-deportazzjoni li ma jingħatawx l-ażil.
Appella wkoll għal progress fuq ftehimiet oħra fosthom dak li ntlaħaq waqt il-Valletta Summit.
Ġiet diskussa wkoll iż-żona Schengen u l-importanza li din tibqa’ fis-seħħ filwaqt li jkun hawn is-sigurtà meħtieġa għaċ-ċittadini Ewropej.
Il-Ministru Carmelo Abela enfasizza fuq il-ħtieġa ta’ bidla tar-regolamenti fit-trattat ta’ Dublin biex jindirizzaw ix-xenarju preżenti.
Il-Ministri Ewropej iddiskutew ukoll il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jkun hawn gwardjani kostali kif ukoll it-tisħiħ tal-għajnuna bejn il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea kontra t-terroriżmu.