Ħsieb li jitnaqqsu l-lezzjonijiet tal-Arti u l-Mużika fis-Sekondarja

L-għalliema fl-iskejjel sekondarji ġew mgħarrfa li mis-sena skolastika li jmiss, hemm probabiltà kbira li s-suġġetti tal-Arti, tal-Mużika u tad-Drama se jintefgħu f’keffa waħda taħt l-isem ta’ Expressive Arts.

Jidher li bħalissa d-Dipartiment tal-Edukazzjoni qed jimmira biex kull tliet xhur jiġi mgħallem suġġett wieħed.  Dan ifisser li bejn wieħed u ieħor f’sena sħiħa, l-istudenti se jkollhom 10 lezzjonijiet tal-Arti, 10 tal-Mużika u 10 tad-Drama.

Jekk il-ħsieb tad-Dipartiment isir deċiżjoni, ifisser li se jonqsu l-lezzjonijiet tal-Arti u tal-Mużika.  Jidher li s-suġġett tad-Drama se jiġi introdott fl-iskejjel f’Settembru li ġej.

Nhar il-Tlieta li għadda waqt laqgħa, il-Kapijiet tad-Dipariment tal-Arti saru jafu li jekk ma jieħdux pożizzjoni u ma jaħdmux fuq sillabu ġdid sa April, l-Arti jista' jitqaċċat mill-kurrikulu tal-Form 1 u Form 2 u s-suġġett tal-Expressive Arts jinkludi biss il-Mużika u d-Drama.  Suġġeriment ieħor kien li jiġi adattat sillabu ta’ barra minn Malta.

F’ittra mibgħuta lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u li  Newsbook.com.mt għandu kopja tagħha, l-għalliema tal-Arti qalu li huma mweġġa’ li s-suġġett tal-Arti “baqa’ mejqus bħala suġġett ħafif, tad-dekorazzjoni u b’hekk jingħata l-ġenb, speċjalment meta jonqoslu l-ħin allokat fit-time-table.”

L-għalliema argumentaw li apparti t-tpinġija, skultura u l-pittura, b’mod indirett l-Arti jgħallem ukoll time management, tolleranza ta’ ideat differenti, ħidma ma’ ħaddieħor u kreattività fost l-oħrajn.  Saħqu għalhekk li l-Arti hu suġġett ħolistiku u jgħin biex l-istudenti jmorru aħjar f’suġġetti oħra. 

Fl-ittra tagħhom lill-Ministru Bartolo, l-għalliema kkowtaw x’jgħid il-Kurrikulu Nazzjonali f’paġna nru 59, li “Learning in the expressive arts provides opportunities to underpin and enrich learning in other curriculum areas.”  Jekk l-iskop tal-Expressive Arts kien li jingħaqdu l-Arti kollha f’daqqa, l-għalliema qed jistaqsu għax ma ġewx allokati aktar lezzjonijiet fil-ġimgħa bħal fil-każ tal-Intergrated Sciences li għandhom 4 lezzjonjijiet fil-ġimgħa.

L-għalliema tal-Arti għamluha ċara wkoll li hu inaċċettabbli li ċertu studenti jintbagħtu fil-klassijiet tal-Arti biex ma jkomplux itellfu waqt suġġetti oħra.