“Ħsibt li se joqtolni” – mara fil-qorti wara li kienet attakkata l-Belt

Miguela Xuereb

Mara Svediża li ġiet attakkata waqt li kienet qed tixxemex ħdejn il-baħar fil-Belt Valletta x-xahar li għadda qalet lill-qorti li ħasbet li kienet se tmut f’idejn l-aggressur tagħha.

It-tfajla ta’ 26 sena, Anna Karsbjer, kienet qed tixhed fil-Qorti kontra l-allegat aggressur tagħha, Frederick Mifsud, raġel ta’ 36 sena mis-Siġġiewi. Karsbjer spjegat kif l-inċident ħalliha trawmatizzata u toħlom ikraħ kuljum.

Hija ddeskriviet kif waqt li kienet fuq telefonata ma’ missierha, qalet lil raġel fil-viċin biex ma jersaqx viċin minħabba s-sitwazzjoni tal-Coronavirus, wara li ħassitu jmissilha saqajha. Minuta wara, ir-raġel f’daqqa qabeż fuqha u beda jagħtiha bis-sieq f’wiċċha.

Hekk kif ippruvat taħrab, huwa qabdilha xagħarha u beda jsabbtilha rasha mal-blat.

Matul il-lejl wiċċha beda jintefaħ u marret l-isptar biex jittieħed X-ray. Hi ngħatat medikazzjoni u ġiet mwissija li l-ġrieħi tagħha jistgħu jkollhom impatt fuq il-vista tagħha.

Xehed ukoll l-Ispettur Daryl Borg mill-għassa tal-Belt Valletta, kif ukoll żewġ uffiċjali li kienu l-ewwel li assistew lill-vittma, li kkonfermaw ir-rapport wasal għall-ħabta tas-2.50pm.

Fi tmiem is-seduta, il-Maġistrat Nadine Lia iddikjarat li kien hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużat jiffaċċja proċess taħt abbozz ta’ akkuża.

Il-każ se jkun qed ikompli f’Novembru.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għad-difiża, filwaqt li l-avukat Lara Dimitrijevic assistiet lill-vittma. L-Ispettur Daryl Borg mexxa il-prosekuzzjoni.