Aġġornata (2): HSBC se jagħlaq 9 fergħat

Read in English.

Il-Bank HSBC Malta se jkun qed jagħlaq il-fergħat tiegħu fi tmien lokalitajiet madwar Malta. Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa dalgħodu mill-bank stess.

Il-fergħat li se jingħalqu huma dawk ta’ Birżebbuġa, Bormla, il-Fgura, il-Ħamrun, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar. Il-bank se jkun qed iżomm is-servizz ta’ ATM u deposit machines f’dawn il-lokalitajiet. Intant, il-fergħat ta’ Ħal Balzan u ta’ Ħal Qormi se jingħalqu wkoll u s-servizzi tagħhom se jiġu trasferti għal fergħa innovattiva fl-uffiċċju prinċipali tal-bank f’Ħal Qormi.

Il-bank spjega li dan kollu ġie wara li ħadem fuq pjan strateġiku ġdid ibbażat fuq il-bżonnijiet bankarji tal-klijenti fid-dinja tal-lum. Il-bank se jkun qed jaħdem fuq servizzi bankarji diġitali u l-immodernizzar tal-fergħat. Se jkun qed isir ftuħ ta’ fergħa innovattiva, żvilupp ta’ ċentri għal ‘wealth management’ u aċċess flessibbli għal servizz ‘self-service’ imwassla permezz ta’ mudell li huwa ekonomikament aktar vijabbli.

Riċerka mill-Grupp HSBC turi li globalment, 80% tat-tranżazzjonijiet bankarji jsiru b’mod diġitali, b’45% fuq il-mobile. Riċerka miġbura minn HSBC Malta tindika li l-użu ta’ servizzi bankarji tradizzjonali mill-klijenti Maltin qed jonqos b’il fuq minn 10% fis-sena, filwaqt li l-użu tal-mobile qed jiżdied b’65% kull sena.

Il-fergħa innovattiva f’Ħal Qormi se tkun l-akbar fergħa tal-HSBC f’Malta u se tkun qed toffri servizzi bankarji b’aċċess aħjar, li jinkludu wkoll parkeġġ għall-klijenti. Il-fergħat tal-bank fil-Belt Valletta, il-Mosta, Raħal Ġdid, Tas-Sliema u r-Rabat Għawdex se jibdew jipprovdu aktar servizzi, parkeġġ għall-klijenti u jekk ikun hemm qbil mal-Malta Union of Bank Employees (MUBE) jiftħu għal ħinijiet itwal.

Il-fergħat ta’ Birkirkara, il-Mosta, Raħal Ġdid u s-Swieqi se jiġu sostnuti b’erba’ ċentri għall-wealth management. Dawn se jipprovdu aċċess estiż għal konsulenti speċjalizzati.

Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta p.l.c. qal li issa l-bank se jkun qed iwassal “servizzi diġitali aħjar, network ta’ fergħat modernizzat b’ċentri għall-ġestjon tal-ġid u aċċess aktar flessibbli għal għażla ta’ servizzi self-service.”

Fi stqarrija, is-Segretarju għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri qal li “bħala Gvern, nieħdu nota tal-bidliet li l-bank HSBC Malta plc se jkun qed jgħaddi minnhom bħala parti mill-programm ta’ ristrutturar, filwaqt li jifhem li n-negozji qegħdin jaqilbu online. Wieħed jittama li jkun hemm konsultazzjoni mal-komunitajiet affetwati direttament bl-għeluq tal-fergħat kif ukoll nisperaw li l-ftuħ ta’ kontijiet bankarji bażiċi ikunu mħaffa u jsiru iktar faċli.”

Hemm xi ħaġa ħażina fis-settur bankarju – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li hemm xi ħaġa ħażina fis-settur bankarju.

Fi stqarrija l-PN qal li dan is-settur qed ikun fl-aħbarijiet għar-raġunijiet il-ħżiena. Spjega li Muscat wiret settur b’saħħtu li kissirlu r-reputazjoni tiegħu.