HSBC Malta joffri ħiliet futuri liż-żgħażagħ

F’dinja li qed kull ma jmur tinbidel b’pass mgħaġġel, il-programm ġdid ta’ Future Skills tal-HSBC qed jappoġġja liż-żgħażagħ madwar Malta u Għawdex biex jiksbu kapaċitajiet ġodda li se jgħinuhom biex jirnexxu fil-karrieri futuri tagħhom.

Dan l-investiment ta’ aktar minn €150,000 qed jiffaċilita numru ta’ proġetti inklużi kampijiet fix-xjenza, it-teknoloġika l-inġinerija  u l-matematika f’koperazzjoni maċ-Ċentru tax-Xjenza f’Pembroke, ma’ proġett ta’ Intrapriża Soċjali b’kooperazzjoni mal-Kulleġġ Maria Regina – Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni għal Adulti Żgħażagħ Dun Manwel Attard tal-Wardija, u Proġett tal-Ħiliet f’kooperazzjoni mad-Down Syndrome Association ta’ Malta.

Il-kampijiet tax-xjenza se jipprovdu lill-istudenti l-opportunità li jitgħallmu u jiksbu litteriżmu xjentifiku waqt li jrawmu l-ħsieb kritiku, il-ħajja, il-karriera, u l-ħiliet futuri innovattivi tagħhom. Il-Wardija se tkun qed tgħin liż-żgħażagħ jiksbu għarfien ta’ ħiliet imprenditorjali; tabilħaqq uħud mill-prodotti tagħhom diġà qegħdin fis-suq taħt it-tikketta ta’ “Warda”. L-appoġġ għad-Down Syndrome Association hu ffukat fuq it-tagħlim tal-informatika, il-kitba tas-CV, il-ħiliet meħtieġa għal intervisti, u l-appoġġ fit-tfittxija tax-xogħol.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Bank Malta p.l.c. Andrew Beane qal: “Il-programm ta’ Future Skills tagħna tfassal biex jagħti s-setgħa liż-żgħażagħ sabiex jiżviluppaw dawk il-ħiliet li għandhom bżonn biex jibnu karrieri futuri tajbin u ta’ suċċess.”

Globalment, il-Grupp HSBC qed jimpenja ruħu li jgħin miljun persuna biex jiżviluppaw ħiliet relatati mal-impjiegi billi jiffoka $80 miljun f’fondi kif ukoll miljun persuna oħra biex iżid il-livell ta’ kapaċità finanzjarja tagħhom permezz ta’ $35 miljun fi proġetti sal-2020. Il-Future Skills huma parti ewlenija ta’ din l-istrateġija aġġornata ta’ sostenibbiltà tal-HSBC.