HSBC Malta jnissel għarfien ambjentali fl-interns ta’ JAYE

Grupp ta’ studenti tal-Junior Achievement Young Enterprise (JAYE) Malta Foundation, li kienu qed jagħmlu l-prattika tagħhom għand l-HSBC Malta bil-għan li jiżviluppaw il-kapaċitajiet personali u professjonali tagħhom, kisbu aktar milli kienu qed jistennew meta l-bank ħariġhom mill-post tax-xogħol ħalli jiksbu apprezzament aħjar tal-ambjent.

L-istudenti qattgħu ġurnata fi Xrobb l-Għagin Nature Park fejn irrestawraw l-istekkati tal-injam kif ukoll l-imwejjed u siġġijiet tal-pikniks f’din ir-riżerva importanti naturali fin-nofsinhar ta’ Malta. Barra minn hekk, it-tim ta’ 12-il intern assistew fit-tindif ta’ dinghy li jintuża mill-maniġer tas-sit ta’ Nature Trust Malta għas-salvataġġ tal-fkieren il-baħar. Il-park ta’ 155,000 metru kwadru fin-nofsinhar ta’ Malta jservi ukoll għal riċerka dwar l-enerġija rinnovabbli, l-ilma, il-biodiversità u l-effiċjenza fl-enerġija.

Daniel Robinson, Kap tar-Retail Banking and Wealth Management ta’ HSBC Malta, qal: ” Fl-HSBC Malta, l-ambjent u l-protezzjoni tiegħu huma parti integrali ta’ kif immexxu n-negozju tagħna. Fil-fatt, hu wieħed mit-tliet oqsma ewlenin tal-investiment soċjali tagħna, flimkien mal-appoġġ għall-edukazzjoni u l-ħarsien tal-wirt Malti. Nisperaw li l-ħin tal-interns għand l-HSBC Malta dan is-sajf ifforma mhux biss is-sens professjonali tagħhom imma ukoll għenhom japprezzaw l-ambjent naturali prezzjuż tagħna.”

Kurt Spiteri, intern ta’ JAYE, qal: “Din l-esperjenza ppermettietna nagħtu kontribut lejn kawża nobbli filwaqt li servitna ukoll bħala attività tajba ħafna ta’ team-building.”

Lura fl-uffiċċju, l-istudenti JAYE kellhom sajf mimli għand l-HSBC Malta. Permezz ta’ diversi programmi tal-Fondazzjoni JAYE Malta, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jinteraġixxu direttament ma’ bosta uffiċjali ewlenin fil-bank, inklużi l-kapijiet tar-riżorsi umani u tar-retail banking u wealth management. Grupp ieħor ta’ studenti qattgħu jum fil-bank bħala parti mill-inizjattiva ta’ JAYE Malta Leaders for a Day 2018. Opportunità oħra laqqgħet lill-istudenti mal-mexxejja futuri tal-bank biex isiru jafu aktar dwar għażliet ta’ progressjoni fil-karriera.

Ta’ min jinnota li s-sena li għaddiet HSBC Malta laqa’ l-ikbar numru ta’ interns ta’ JAYE Malta li qatt kien aċċettat minn xi negozju f’Malta. L-NGO tirċievi ukoll fondi mill-Grupp HSBC bħala parti mill-investiment globali tal-bank fil-qasam tal-Future Skills.