HSBC Malta jniedi l-Malta Trade for Growth Fund ta’ €75 miljun

Il-Bank HSBC ħabbar it-tnedija ta’ fond ġdid ta’ €75 miljun għall-Malta Trade for Growth (MTFG) Fund. Dan wara s-suċċess li nkiseb mill-ewwel fond simili għall-kummerċ li kien jammonta għal €50 miljun, liema fond kien tħabbar f’Diċembru 2013. 
L-għan ta’ dan it-tieni fond MTFG, li jammonta għal €75 miljun hu li jgħin lill-kumpaniji Maltin jieħdu n-negozju tagħhom lil hinn minn Malta lejn fruntieri ġodda u jiksbu tkabbir internazzjonali permezz tal-abbiltà li għandu l-Grupp HSBC biex jikseb l-aqwa valur permezz tal-preżenza globali tiegħu b’mod partikolari fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ fi swieq emerġenti.
L-ewwel fond tal-MTFG, li tnieda fl-2013, ittieħed f’inqas minn sena u dan jista’ jitqies bħala turija ċara tax-xewqa li għandhom in-negozji Maltin biex jikbru globalment. Għadd ta’ negozji f’setturi ekonomiċi differenti bbenefikaw mill-ewwel fond ta’ €50 miljun.
Matul it-tnedija tat-tieni fond tal-MTFG, HSBC Malta nieda wkoll il-vidjow dwar Malta ‘Why Malta?’ f’ħames lingwi internazzjonali jiġifieri, bl-Għarbi, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bit-Taljan u biċ-Ċiniż (Mandarin). Dan minbarra l-verżjoni bl-Ingliż li diġà tinsab disponibbli.
Il-vidjow jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni tan-negozju. Jelenka l-mod kif HSBC jista’ jgħin lin-negozji jibbażaw ruħhom f’Malta, u fl-istess waqt kif negozji Maltin jistgħu jżidu n-negozji tagħhom internazzjonalment.
L-attività, li saret fil-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq, tmexxiet mill-Ministru tal-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna, u miegħu nagħqdu l-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, Mark Watkinson, il-Kap tal-Commercial Banking, Michel Cordina, il-Kap tal-Global Banking and Markets, James Woodeson u għadd ta’ mistednin distinti oħra.
Skont ir-rapport tat-Tbassir Kummerċjali tal-HSBC, minn medja ta’ 1.5 fil-mija ta’ tkabbir fis-sena bejn l-2012 u l-2014, il-kummerċ dinji għandu jiżdied bi 8 fil-mija mis-sena 2017. 
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt