HSBC Malta jniedi inizjattiva ta’ ġbir ta’ ikel għall-Milied

Read in English.

HSBC Malta qed iniedi inizjattiva ta’ Ġbir ta’ Ikel f’isem Caritas Malta u Foodbank Lifeline Foundation biex jiġbor ikel għal mijiet ta’ familji li qed jiffaċċjaw diffikultajiet. Food Collection Points se jkunu qed jitpoġġew f’kull waħda mill-fergħat tal-bank u l-Head Office ta’ Ħal Qormi mil-lum, 4 ta’ Diċembru, fejn fihom il-klijenti u l-impjegati jistgħu jiddepożitaw id-donazzjonijiet tal-ikel tagħhom.

Matul ix-xhur li għaddew, b’riżultat tal-imxija ta’ Covid-19, kemm il-Caritas kif ukoll il-Fondazzjoni Foodbank Malta raw żieda sinifikanti fin-numru ta’ individwi u familji li għandhom bżonn għajnuna fuq bażi ta’ kull ġimgħa. Għalkemm in-numri stabbilizzaw ruħhom kemmxejn dan l-aħħar, għadhom sew għola mil-livelli ta’ qabel l-imxija u għalhekk, il-ħtieġa li jinġabar l-ikel f’dan l-istaġun tal-festi, huwa ħafna akbar mis-snin ta’ qabel.

Crawford Prentice, Kap tal-Wealth u Personal Banking ma’ HSBC qal, “L-imxija ta’ Covid-19 bla dubju għamlet il-ħajja iktar diffiċli għal ħafna nies f’Malta, b’numru ta’ familji jaraw li l-livell ta’ għajxien tagħhom sejjer għall-agħar minħabba telf ta’ dħul jew tbatijiet oħra. HSBC Malta jirrikonoxxi x-xogħol imprezzabbli u siewi ta’ Caritas Malta u Foodbank Lifeline Foundation li qed jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn. Inħeġġu lil kull min iżur waħda mill-fergħat jew l-uffiċċju ewlieni tagħna f’Ħal Qormi biex jikkontribwixxi: Kull għotja tgħin.”

Dan it-tagħrif twassal minn HSBC Malta.