HSBC Malta jiżgura li azzjonisti lokali jirċievu d-dividendi fil-ħin

HSBC Bank Malta ħabbar li fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti ta’ COVID-19 u d-direttivi maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, id-dividend se jitħallas lill-azzjonisti kif ippjanat iżda se jkun qiegħed jipposponi l-Laqgħa Ġenerali Annwali  (AGM) tiegħu għal data iktar ‘il quddiem.

Id-dividend se jitħallas fil-15 ta’ April 2020 lill-azzjonisti rreġistrati fir-Reġistru tal-Azzjonisti fid-9 ta’ Marzu 2020, kif diġà kien iddikjarat permezz tal-Avviż tal-Kumpanija HSBC350 maħruġ fil-Borża ta’ Malta fit-18 ta’ Frar 2020.

John Bonello, Chairman tal-HSBC Bank Malta qal: “Il-prijorità tagħna hi dejjem li nħarsu l-benessri tal-impjegati, tal-klijenti u tal-azzjonisti tagħna. Bħala Bord, aħna konxji li l-ħlasijiet ta’ dividendi huma importanti għall-azzjonisti tagħna u b’mod partikolari għall-azzjonisti lokali tagħna f’dan il-mument. Għal din ir-raġuni, fittixna soluzzjoni prattika biex inħallsu d-dividend fid-data oriġinalment imħabbra u nlestu formalment il-proċess meta ssir l-Laqgħa Ġenerali Annwali. Dawn il-passi jiffurmaw parti minn serje usa’ ta’ azzjonijiet li qed jittieħdu mill-bank biex jappoġġjaw lill-komunità f’dan il-mument straordinarju.”