HSBC Malta jisponsorja l-kategorija tal-Ġurnaliżmu Stampat tal-Malta Journalism Awards

Il-Bank HSBC Malta qed jisponsorja l-kategorija Ġurnaliżmu Stampat – Aħbarijiet tas-26 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards bħala rikonoxximent tal-kontribuzzjoni li l-ġurnalisti Maltin jagħtu lis-soċjetà. Il-kategorija tal-Ġurnaliżmu Stampat hi meqjusa bħala l-ogħla kategorija tal-Unuri.
Il-Malta Journalism Awards huma organizzati mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM), fejn ix-xogħol ta’ sena jilħaq il-qofol tiegħu b’rikonoxximent ta’ 16-il rebbieħ f’erba’ taqsimiet ġurnalistiċi ewlenin: stampar, xandir, e-ġurnaliżmu u kategoriji ġenerali.
“Għal iktar minn kwart ta’ seklu, l-unuri tal-IĠM jirikonoxxu il-fatt li l-ġurnaliżmu jwettaq bidla posittiva fis-soċjetà Maltija,” qal il-Kap tal-Komunikazzjoni ta’ HSBC Malta Franco Aloisio, li ppreżenta l-isponsorship tal-Bank lill-Istitut.
Iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-Malta Journalism Awards se ssir is-Sibt 7 ta’ Mejju 2016, fil-lukanda The Palace, Tas-Sliema.