HSBC Malta jintroduċi servizz ġdid għan-negozji ż-żgħar

Il-Bank HSBC Malta nieda servizz ġdid maħsub għan-negozji ż-żgħar, fejn il-bank qed jipprovdi servizzi bankarji tal-komunità permezz tan-netwerk ta’ fergħat tiegħu f’għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta, flimkien soluzzjonijiet diġitali.
Is-servizz, bl-isem ta’ HSBC Fusion, jgħaqqad s-servizzi bankarji tan-negozju u dawk personali f'soluzzjoni waħda u sempliċi, biex b’hekk ikun aktar faċli għas-sidien tan-negozji jimmaniġġjaw il-ħtiġijiet finanzjarji kollha tagħhom.
F'Malta, 97 fil-mija tal-kumpaniji huma negozji żgħar, u jipprovdu impjieg għal 34 fil-mija tal-impjiegi fis-suq tax-xogħol filwaqt li jikkontribwixxu 25 fil-mija tal-prodott gross domestiku. Ir-riċerka turi li l-maġġoranza ta’ dawn il-klijenti jippreferu soluzzjoni bankarja li għandha aċċess sempliċi, u li tippermettilhom jimmaniġġjaw il-ħtiġijiet personali u tan-negozju fl-istess ħin. 
HSBC Fusion kien maħsub għal sidien ta’ negozji li għandhom dħul annwali sa €1 miljun u bżonn ta' self sa €100,000. Malta hi l-ewwel pajjiż li qed tniedi HSBC Fusion, servizz ġdid ipprovdut mill-Grupp HSBC. Dan is-servizz jappoġġja l-istrateġija tal-bank f'Malta, billi qed iżid il-firxa ta’ servizzi offruti lill-negozji fil-komunità Maltija.
Il-klijenti eliġibbli għall-HSBC Fusion se jkollhom aċċess għal soluzzjoni ġdida bankarja fuq l-internet u l-app tal-mobajl li tippermetti li l-kontijiet tan-negozju u dawk personali jkunu mmaniġġjati permezz ta’ sett wieħed ta' kredenzjali ta’ reġistrazzjoni. B’appoġġ għal dan, l-HSBC introduċa ukoll aktar minn 100 professjonist imħarrġin apposta fil-fergħat tal-bank madwar Malta u Għawdex
Is-servizz HSBC Fusion tnieda uffiċjalment waqt attività għall-klijenti li saret fil-fergħa ta’ HSBC f’Ħaż-Żabbar, fil-preżenza tal-Prim Ministru ta’ Malta l-On. Joseph Muscat flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane u l-Kap tar-Retail Business Banking tal-Grupp HSBC Manuel Baldasano. Dawk li attendew inlaqgħu mill-maniġer tal-fergħa ta’ Ħaż-Żabbar Joe Cardona u mill-kollegi tiegħu.