HSBC Malta jappoġġja s-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar

Read in English.

HSBC Malta ta’ għotja ta’ €12,000 biex ikopru l-ispejjeż operattivi tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar għat-tliet snin li ġejjin.

Id-donazzjoni hi magħmula minn €7,000 mill-Fondazzjoni HSBC Malta u €5,000 addizzjonali li nġabru mill-impjegati ta’ HSBC f’Malta f’inizjattiva bl-isem “Nimxu Flimkien għal Kawża Tajba”. L-impjegati offrew li b’mod volontarju jiċċiklaw, jiġru, jimxu jew jgħumu distanza tal-għażla tagħhom matul l-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Ġunju u d-distanzi koperti ġew ikkonvertiti f’punti, li mbagħad issarfu fi flus.

Caroline Buhagiar Klass, Kap tar-Riżorsi Umani u s-Sostenibbiltà Korporattiva ta’ HSBC Malta qalet: “HSBC Malta ilhu jappoġġja lis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar mill-2000, għaliex nirrikonoxxu r-rwol essenzjali li s-Soċjetà għandha fil-gżejjer tagħna kull meta tinqala emerġenza. Kburin mill-fatt li nkunu nistgħu nappoġġjaw lis-Soċjetà u lill-membri dedikati tagħha li jipprovdu dawn is-servizzi pubbliċi importanti. Il-kontribuzzjonijiet tagħna huma sinjal ċar ta’ apprezzament, kif ukoll inkoraġġiment għal dawn il-voluntiera. “Grazzi kbira” tmur lill-kollegi tagħna li qabżu l-mira tal-inizjattiva ‘Nimxu flimkien għal Kawża Tajba’. “

Paulette Fenech, Direttur Ġenerali tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar qalet: “Illum, nistgħu nħarsu lura lejn ix-xogħol li wettaqna b’sens ta’ kburija billi nelenkaw il-bosta kisbiet matul is-snin. Il-volontiera ddedikati jagħtu l-ħin u l-ħiliet tagħhom biex itejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor billi jikkontribwixxu f’għadd ta’ attivitajiet li l-organizzazzjoni umanitarja tagħna hi involuta. Biex insemmu ftit, dawn jinkludu l-għoti tal-ewwel għajnuna, servizz ta’ ambulanza, xogħol mar-refuġjati u l-immigranti, korsijiet tal-ewwel għajnuna, tixrid tal-prinċipji tal-moviment u l-liġi umanitarja internazzjonali, appoġġ lill-awtoritajiet Maltin tas-saħħa u tal-protezzjoni ċivili, tħejjija u rispons għad-diżastri, trawwim ta’ kuxjenza dwar l-importanza ta’ għarfien tal-ewwel għajnuna u rispons internazzjonali matul diżastri kbar. Barra minn hekk, l-appoġġ finanzjarju ta’ numru ta’ membri u sponsors korporattivi, jiżgura li s-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar tibqa’ attiva għal kwalunkwe emerġenza li teħtieġ l-intervent tagħna. Nirringrazzjaw lil HSBC Malta għall-appoġġ kontinwu tagħhom matul is-snin.”

Għal aktar tagħrif dwar l-attivitajiet u s-servizzi tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar wieħed jista’ jibgħat imejl lil: info@redcross.org.mt.

Dan it-tagħrif twassal minn HSBC Malta.