HSBC Malta jappoġġja l-webinar ta’ TradeMalta

Startup Stock Photo

Read in English.

TradeMalta qed torganizza webinar bl-isem “The future of supply chains and trade finance” bl-appoġġ ta’ HSBC. Dan l-avveniment onlajn, li hu parti minn serje ta’ webinars appoġġati minn HSBC, se jsir nhar il-Ħamis 23 ta’ Lulju 2020 fil-11.00am u se jkollu preżentazzjonijiet minn esperti fl-oqsma rispettivi tagħhom. Minbarra li jeżaminaw kif il-katini tal-provvista u l-mudelli ta’ negozju diġà ġew milquta b’mod sinifikanti minn Covid-19, il-webinar se jindirizza wkoll għażliet u żviluppi ġodda għall-finanzi tal-kummerċ f’perijodu ta’ inċertezza u volatilità.

Joyce Grech, Kap tal-Commerical Banking ta’ HSBC Malta, qalet: “HSBC ilhu sieħeb strateġiku ta’ TradeMalta sa mill-bidu nett u dawn il-webinars huma fost l-aħħar minn sensiela ta’ inizjattivi konġunti maħsuba biex jappoġġjaw in-negozji Maltin fl-aspirazzjonijiet internazzjonali tagħhom. Il-webinar se jipprovdi għarfien importanti għal kull sid ta’ negozju li l-katina tal-provvista u l-faċilitajiet ta’ finanzi tal-kummerċ ġew affettwati minn avvenimenti riċenti u jipprovdi pariri dwar kif l-aħjar li tippjana għal futur li jibqa’ inċert.”

Anton Buttigieg, il-Kap Eżekuttiv ta’ TradeMalta, qal: “Il-fatt li jkollok l-appoġġ sħiħ ta’ HSBC Malta tfisser li TradeMalta tista’ tkompli toffri l-appoġġ lin-negozji bbażati f’Malta li qed ikomplu jkollhom prospetti internazzjonali minkejja ż-żminijiet diffiċli. Il-webinar, li għalih il-postijiet huma limitati, jinkludi preżentazzjonijiet minn Sibel Sirmagul, Kap Reġjonali tal-Product Management, HSBC Global Services (UK) Ltd u Gaetano Sammut, Kap tal-Global Trade and Receivables Finance, HSBC Bank Malta plc. Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jressqu mistoqsijiet u jipparteċipaw f’diskussjoni dwar is-suġġett, immoderata minn Dr Joe Schembri minn TradeMalta.”

Aktar tagħrif dwar il-webinar jista’ jinkiseb billi wieħed jibgħat imejl lil richard.scerri@trademalta.org, iċempel fuq in-numru 2247 2400 jew iżur is-sit permezz ta’ dan il-link.

Biex wieħed jirreġistra għall-webinar “The future of supply chains and trade finance” żur is-sit permezz ta’ dan il-link.

Din l-informazzjoni twasslet minn HSBC Malta.