HSBC Malta jappoġġja l-Iskema ta’ Rispons għall-Esportazzjoni COVID-19 ta’ TradeMalta

HSBC Malta qed jappoġġja l-Iskema ta’ Rispons għall-Esportazzjoni COVID-19 ta’ TradeMalta, immirata għan-negozji milqutin mit-tixrid tal-COVID-19.  Intrapriżi milqutin mill-pandemija jistgħu jkunu eleġibbli għal appoġġ finanzjarju minn TradeMalta biex jgħinhom jaqilbu l-isforzi internazzjonali ta’ markiting għal mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali u jassistihom fit-taħriġ tal-istaff fil-markiting diġitali.  Kumpaniji jistgħu jibbenefikaw ukoll minn kumpens għal spejjeż li ma jistgħux jkunu rkuprati, relatati ma’ avvenimenti kummerċjali kkanċellati.

Anton Buttigieg, Kap Eżekuttiv ta’ TradeMalta, qal: “L-Iskema ta’ Rispons għall-Esportazzjoni COVID-19 tipprovdi lill-intrapriżi b’assistenza finanzjarja biex jinvestu f’mezzi ta’ markiting diġitali biex jippromwovu l-prodotti u s-servizzi tagħhom internazzjonalment u jħarrġu ukoll lill-istaff fil-markiting diġitali, permezz ta’ korsijiet ta’ eLearning. Bl-appoġġ sħiħ tal-HSBC Malta, l-iskema se tgħin lill-esportaturi biex jaqilbu għal mezzi diġitali, jibnu l-kapaċità fil-markiting diġitali, u jtaffu mill-impatt fuq in-negozju tagħhom”.

Joyce Grech, Kap tal-Commercial Banking fl-HSBC Malta, qalet: “L-appoġġ tagħna għall-Iskema ta’ Rispons għall-Esportazzjonijiet COVID-19 ta’ TradeMalta jimxi skont l-enfasi tal-Bank fuq l-inkoraġġiment tan-negozji biex jaqilbu l-isforzi tagħhom għall-esportazzjoni għal mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali.  Dawn l-aħħar xhur urew il-valur tal-użu diġitali, li jnaqqas il-ħtieġa tal-kumpaniji fuq il-karta.  Il-kollegi tagħna tal-Kummerċ Globali u Finanzi Riċevibbli (Global Trade and Receivables Finance) qed iħeġġu l-kapaċitajiet diġitali ġodda tal-Grupp HSBC biex jagħmlu l-kummerċ finanzjarju aktar sempliċi, aktar sigur u aktar mgħaġġel għall-klijenti tagħna.” Għal aktar tagħrif dwar l-Iskema ta’ Rispons għall-Esportazzjoni ta’ TradeMalta, kumpaniji huma ġentilment mitluba jibagħtu imejl fuq info@trademalta.org, iċemplu fuq in-numru 2247 2400, jew iżuru www.trademalta.org

Din l-informazzjoni twasslet minn HSBC Malta.