HSBC Malta jaħtar Direttur Eżekuttiv u Kap għall-Iżvilupp tan-Negozju ġdid

HSBC Bank Malta p.l.c. ħabbar li Michel Cordina nħatar Direttur Eżekuttiv fuq il-bord tal-HSBC Bank Malta p.l.c. Michel inħatar ukoll l-ewwel Kap Eżekuttiv għall-Iżvilupp tan-Negozju tal-bank, rwol ġdid maħluq biex iwassal lill-bank fil-fażi l-ġdida ta’ tkabbir tiegħu.

Michel Cordina kien ilu il-Kap tan-Negozju Kummerċjali tal-bank għal dawn l-aħħar tmien snin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta Andrew Beane qal: “Michel hu bankier b’esperjenza kbira u profonda.  Konvinti li se naraw lil Michel bl-enerġija notevoli tiegħu jkabbar dan is-settur min-negozju ewlieni tagħna u bis-saħħa tal-isem tal-HSBC bħala l-bank internazzjonali ewlieni fid-dinja.”

Michel beda l-karriera bankarja tiegħu ma’ Mid-Med Bank Limited fl-1981 u ssieħeb mal-HSBC fl-1999. Ħadem f’diversi oqsma tal-bank kemm fil-qasam tal-banking personali kif ukoll f’dak tal-banking kummerċjali. Mexxa għadd ta’ funzjonijiet operattivi u ta’ appoġġ tal-bank. Michel kellu diversi rwoli eżekuttivi fi ħdan l-HSBC Malta, inklużi Viċi Kap tal-Operazzjonijiet, u Kap tat-Trasformazzjoni tan-Negozju. Kien ukoll il-Maniger tal-Programm responsabbli biex iġib f’Malta ċ-Ċentru ta’ Kuntatt tal-HSBC UK. Fl-2010, Michel kien ukoll issekondat mal-HSBC Commercial Banking f’Londra fejn kellu r-rwol ta’ Kap tal-Prestazzjoni tal-Bejgħ.

Fil-kapaċità l-ġdida tiegħu, Michel se jaħdem man-negozji u l-funzjonijiet globali kollha tal-bank biex jiżviluppa n-negozju tal-bank mal-klijenti primarji u l-partijiet interessati esterni tal-bank hekk kif il-bank qed jiffoka biex jirritorna għal tkabbir b’mod bilanċjat. L-iffaċilitar tat-tkabbir fin-negozju korporattiv għall-HSBC se tkun priorità partikolari.

Michel qal: “Onorat u pprivileġġjat li nħtart Direttur tal-Bord tal-bank u qed inħares ‘il quddiem biex nieħu dan ir-rwol eżekuttiv ġdid fl-assoċjazzjoni tiegħi ta’ aktar minn 37 sena mal-bank. Inħossni xxurtjat li se nkun parti mill-Grupp HSBC. Nistenna bil-ħerqa li nsaħħaħ in-negozju tagħna f’Malta, kif ukoll li nsib opportunitajiet għall-klijenti tagħna ħalli jkunu jistgħu jirnexxu u b’hekk jappoġġjaw it-tkabbir tal-ekonomija Maltija.”