HSBC jirrestawra l-faċċata tal-uffiċini ewlenin tiegħu fil-belt Valletta

HSBC Malta lesta x-xogħol ta’ restawr fl-uffiċini ewlenin li għandu fil-belt Valletta. Din il-binja għandha wirt storiku li jmur lura sas-seklu sbatax u tinsab propju fiċ-ċentru tal-belt kapitali elenkata fil-lista ta’ Wirt Storiku Dinji tal-UNESCO.
Il-faċċata l-ġdida tal-bini tat ħajja ġdida lill-elementi oriġinali ta’ din il-binja u tkompli żżid mas-sbuħija maestuża tal-monumenti li jinsabu fi Pjazza San Ġorġ. Ix-xogħol ta’ restawr tlesta fil-ħin għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li matulha madwar 20,000 delegat minn madwar l-Ewropa mistennija li jżuru l-qalba taċ-ċentru kummerċjali u amministrattiv ta’ Malta.
Filwaqt li s-sulari ta’ fuq kienu nbnew mill-ġdid wara t-Tieni Ġwerra Dinjija, ix-xogħol ta’ restawr wera li l-faċċata tas-sular t’isfel kienet fl-istat oriġinali tagħha. Matul ix-xogħol instabu l-fdalijiet ta’ ħnejja taħt ix-xorok tal-faċċata.
Ix-xogħol ta’ restawr involva wkoll tindif tal-faċċata, manutenzjoni tal-ġebel u restawr tat-twieqi.
HSBC Malta ħadem mill-qrib ma’ esperti fil-preservazzjoni ta’ bini storiku biex tingħata l-ogħla priorità lill-manutenzjoni tal-wirt storiku tal-istruttura u anki biex ikunu mħarsa l-prinċipji ta’ restawr. B’riżultat t’hekk, il-faċċata tixbaħ ħafna l-kulur tal-ġebel oriġinali.