HSBC jinvesti €515,000 fl-ambjent

Il-Bank HSBC Malta inawgura l-istallazzjoni ta’ 483 pannell fotovoltajku (PV) u l-kummissjoni ta’ seba’ vetturi elettroniċi (EV) bħala parti mill-kampanja ta’ sostenibbiltà tal-Bank biex iħalli impatt pożittiv fuq in-negozju tiegħu u l-komunità inġenerali. 
Il-proġett twettaq wara li HSBC Malta ssottometta applikazzjoni għall-fond tal-Grupp HSBC ‘eCO2 Efficiency Fund’, li permezz tagħha ngħata €515,000.
Bl-isem ‘Simply ELECTRIC’, din l-inizjattiva inkludiet ix-xiri ta’ seba’ karozzi elettriċi u l-istallazzjoni ta’ sitt charging points fiċ-Ċentru tal-Bank f’Ħal Qormi. Barra minn hekk, PV car port kien ukoll stallat biex, apparti milli jiġġenera enerġija nadifa, jipprovdi dell għall-karozzi. Il-karozzi elettriċi se jkunu qed jieħdu post seba’ karozzi li jaħdmu bil-magna b’kombustjoni interna (ICE), biex ikompli jkun hawn tnaqqis ta’emissjonijiet ħżiena u tniġġiż  bi ħsejjes fit-toroq ta’ Malta. 
Il-pannelli PV, stmati li jiġġeneraw 190,000 kWh ta’ enerġija nadifa mix-xemx kull sena, kienu stallati f’aktar minn 10 fergħat tal-Bank. Dawn il-pannelli PV jagħmlu tajjeb għall-ħtiġijiet tal-enerġija tas-seba’ karozzi, biex b’hekk il-karozzi tassew ikunu qed jaħdmu bis-saħħa tax-xemx. Apparti minn hekk, il-pannelli se jkunu qed ilaħħqu mad-domanda kollha għall-elettriku tas-37 ATM tal-Bank.
Wara din l-istallazzjoni, l-emissjonijiet tal-Bank se jitnaqqsu b’madwar 148 tunnellata ta’ CO2 kull sena. Il-vetturi elettriċi se jkomplu jgħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet b’madwar 18-il tunnellata ta’ CO2 kull sena.