Ħsarat Melita: 19-il lokalità bla telefown, internet u TV

Ħsarat Melita lokalità bla telefown internet TV
Arkivji

Matul il-ġurnata, residenti minn 19-il lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta ma kellhomx telefown, internet u TV tal-Melita. Is-servizz mistenni jerġa’ jiġi lura għan-normal bejn l-10pm u l-11pm tal-lejla.

Qal dan uffiċjal tal-Melita li meta kkuntatjat minn Newsbook.com.mt qal li s-servizz fid-19-il lokalità nqata kawża ta’ ħsarat li għamlu terzi persuni waqt xogħlijiet fit-toroq ta’ Ħal Balzan.

Fuq Facebook il-kumpanija spjegat li ntlaqat wieħed mill-fibre cables tat-telekomunikazzjoni. Melita fakkret lill-pubbliku li s-servizz ta’ emerġenza 112 huwa ddisinjat biex jaħdem anke meta jkun hemm qtugħ tas-servizz bħalma ġara llum.

Spjegat ukoll li l-lokalitajiet l-aktar li ntlaqtu kienu Ħ’Attard, Ħad-Dingli, Ħal Qormi, Rabat u Ħaż-Żebbuġ.

Anki dawn il-lokalitajiet intlaqtu u kienu għadhom bla servizz sal-ħin tal-pubblikazzjoni: Siġġiewi, Swatar, Imsida u Santa Venera.