Ħsarat fil-provvista tal-ilma għal Għawdex – WSC

Read in English.

Bħalissa hemm ħsarat fil-provvista tal-ilma għal Għawdex li ġiet ikkawżata mill-maltemp. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) kmieni dalgħodu.

Il-Korporazzjoni spjegat li l-maltemp qawwi ta’ dan il-lejl ikkawża ħsara fil-main bejn Malta u Għawdex. L-indikazzjonijiet huma li l-ħsara seħħet bejn Malta u Kemmuna għad-differenza ta’ ħsara simili li saret is-sena l-ohra bejn Kemmuna u Ghawdex.

Aqra: Is-servizz tal-Gozo Channel lura għan-normal

Spjegat li minkejja din il-ħsara, se jkun żgurat li sakemm isiru t-tiswijiet, il-provvista f’Għawdex tkun garantita. It-tiswijiet mistennija jibdew hekk kif jippermetti l-baħar.

Il-Korporazzjoni sostniet li dan l-inċident ikompli jemfasizza l-bżonn li Għawdex ikun indipendenti fejn tidħol il-provvista tal-ilma. Qalet li każ bħal dan juri b’mod konkret kemm hu bzonnjuż l-investiment ta’ €11-il miljun li qed isir bħalissa biex tinbena reverse osmosis f’Ħondoq ir-Rummien.  Ir-restawr fuq il-bini mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena biex imbagħad jitwaħħal il-makkinarju.