Ħsarat fiċ-ċentru ċiviku fis-Swieqi minkejja li kien inawgurat

Iċ-ċentru ċiviku li kien inawgurat fis-Swieqi qabel l-elezzjoni ġenerali mistenni jibda’ jintuża mir-residenti lejn l-aħħar ta’ Awwissu. Dan wara li jittranġaw il-ħsarat li żviluppaw ftit ġranet biss minn wara li ċ-ċentru ġie inawgurat. Dan qalu l-Ministru tal-Infrastruttura Joe Mizzi wara li fil-jiem li għaddew saret laqgħa fuq il-post sabiex jiġi żgurat li dan ix-xogħol jitħaffef u jitlesta mingħajr dewmien.

Iċ-ċentru ċiviku jinkludi għassa tal-Pulizija u uffiċini tal-Kunsill Lokali. Fost il-ħsarat kien hemm ilma li daħal mis-soffitt kif ukoll xogħol li allegatament tħalla nofs leħja u li mingħajru l-bini ma setax jibda’ jopera.

Fi stqarrija, il-Ministeru ċaħad li l-Gvern ma jridx jgħin lill-Kunsill Lokali, iżda ntqal li kien il-Ministru stess li nvolva ruħu direttament biex jara li dan il-proġett jibda’ jitgawda mir-residenti.