Ħsarat fi djar fil-Gżira minħabba qtugħ tad-dawl

Miguela Xuereb

Għadd ta’ residenti fil-Gżira rrappurtaw ħsarat fl-appliances fir-residenzi tagħhom fil-Gżira wara li nqatalhom id-dawl. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-ħsara oriġinat minn Triq San Ġorġ u affettwaw residenzi f’żewġ toroq oħra li huma Triq ir-Rebħa u Triq l-Empire Stadium.

Dan seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7pm fejn residenti nnutaw li l-vultaġġ tad-dawl beda jilgħab u sas-7.35pm d-dawl f’dawn it-toroq telaq għal kollox.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, kelliem għall-Enemalta kkonferma li dan kien ikkawżat minn ħsarat fis-sistema ta’ distribuzzjoni.

Mistoqsi jgħid jekk kienx hemm xi ħsarat f’dawn ir-residenzi, il-kelliem saħaq li kull min sofra xi danni għanu jimxi mal-proċeduri stabbiliti li permezz tagħhom il-konsumaturi jistgħu japplikaw għal kumpens. Dan permezz tal-Arms eForms. Huwa saħaq ukoll li skont il-liġi kull dar għandu jkollha Overvoltage Protection Relay installat.

Inġinier li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li dan l-apparat sar obbligatorju bil-liġi f’kull dar ġdida. Fisser li dan l-apparat jeħel viċin il-meter tad-dawl u huwa maħsub li jħares tagħmir li jaħdem bl-elettriku fid-dar minn vultaġġ għoli jew ċirkustanzi meta dan jiżdied ħafna f’daqqa waħda. Huwa stqarr li għadd hawn ħafna djar f’Malta u Għawdex li m’għandhomx dan l-apparat li mingħajru ma tistax tapplika għal kumpens f’każ ta’ ħsarat.