Ħsarat f’AC jwasslu għal nirien f’appartament f’Tas-Sliema

Ħadd ma weġġa’ f’nirien li ħakmu residenza f’Tas-Sliema llum wara nofsinhar.

Il-każ seħħ fit-3.05 pm f’appartament fi Triq Sant’Antnin, fejn kien hemm mara ta’ 50 sena.

Il-pulizija kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li l-kawża tan-nirien kienu ħsarat f’sistema tal-arja kkundizzjonata.

Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru immedjatament fuq il-post biex jitfu n-nirien.

In-nies residenti fil-blokka ġew evakwati.

Dan kien it-tielet każ ta’ nirien li ġie rrappurtat illum.

Dalgħodu nirien ħakmu residenza fil-Belt filwaqt li wara nofsinhar kien hemm xi nirien fl-uffiċini f’Mizzi House fil-Blata l-Bajda.