Ħsara teknika tpoġġi lill-Ispeaker fil-lenti tal-attenzjoni

Għada mistenni l-aħħar diskors fil-Parlament tal-Eks Kap tal-PN Simon Busuttil

Fil-bidu tas-seduta parlamentari, l-Ispeaker Anġlu Farrugia stqarr li minħabba ħsara teknika fis-sistema tal-kameras, it-trasmissjoni televiżiva tas-seduta parlamentari kienet se tiġi trasmessa minn angolu wieħed. Fisser kif it-tekniċi kienu ilhom għal dawn l-aħħar sigħat jaħdmu biex isolvu din il-problema. It-transmissjoni ġiet imxandra mill-kamera prinċipali li tagħti fuq is-sedja, bl-Ispeaker Anġlu Farrugia jkun inkwadrat il-ħin kollu taħt skrutinju kontinwu mit-telespettaturi.

F’nofs is-seduta, it-tekniċi rrimedjaw billi ċaqalqu l-kamera lejn l-insinja (arma) tar-Repubblika u b’hekk is-seduta kompliet mingħajr xkiel.

Is-seduta tat-Tnejn intemmet siegħa qabel il-ħin wara ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra fejn il-ħin li normalment isir l-aġġornament ma ntużax. Mhux magħruf jekk dan kienx dovut għall-ħsara teknika fix-xandira televiżiva.

Intant sar magħruf li għada t-Tlieta, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jkun qed jagħmel l-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament Malti qabel jirriżenja u jieħu l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell. Huwa se jagħmel dan fil-ħin tal-aġġornament bid-diskors tiegħu mistenni li jibda fis-7pm.