Ħsara fuq qmis ta’ pulizija twassalhom il-qorti

Żewġ żgħażagħ ingħataw il-libertà provviżorja wara li lbieraħ spiċċaw f’argument wara l-festa ta’ Santa Liena u spiċċaw biex qaċtu qmis ta’ pulizija.

Quddiem il-Maġistrat Edwina Grima, Clayton Galea ta’ 24 sena minn B’Kara u Raisa Grixti ta’ 22 sena mill-Belt, qalu li ma kinitx l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu ħsara lill-pulizija. 

Jirriżulta li wara l-festa, iż-żewġ żgħażagħ spiċċaw imdawra minn grupp waqt argument. Meta l-argument kiber u waslu l-pulizija, bi żball, it-tfajla qaċtet il-qmis tal-pulizija u għamlitlu €5.06ċ fi ħsara.

Iż-żgħażagħ wieġbu mhux ħatja tal-akkużi u l-Maġistrat Grima tathom il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.