Ħsara fuq 3 cables twassal għal qtugħ tal-elettriku fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u f’Għawdex

Bħalissa, ħaddiema tal-Enemalta qed  isewwu l-ħsarat fuq it-tliet cables li lbieraħ filgħaxija wasslu għal qtugħ fil-provvista tal-elettriku fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta kif ukoll f’Għawdex.

L-Enemalta qalet li għal ħabta tad-9.30 tal-bieraħ filgħaxija kien hemm xi ħsarat fil-feeder tal-11 kV li jwassal il-provvista tal-elettriku fl-inħawi tal-Għadira, ċ-Ċirkewwa u l-inħawi.

Residenti li jgħixu f’dawn l-akwati tkellmu ma’ RTKNews li l-elettriku għadu ma ġiex mill-bieraħ filgħaxija u li ġew infurmati li se jirritorna għan-normal waranofsinhar.

Fl-istqarrija l-enemalta qalet ukoll li għall-ħabta tal-10 tal-bieraħ filgħaxija żviluppat ħsara oħra fuq il-cable tat-33kV li jissupplixxi l-enerġija f’Għawdex. Kawża ta’ din il-ħsara Għawdex kollu spiċċa bla dawl għal kważi sagħtejn.

Il-provista tad-dawl bdiet tiġi lura għan-normal għal ħabta tal-11.30pm u sa nofsillejl neqsin kwart kien ġie kullimkien.