Ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern

Kif diġà tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna fit-30 ta’ Ġunju 2020, l-Accountant General qiegħed iniedi l-ħruġ ieħor tat-62 + Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta għall-anzjani li twieldu matul is-sena 1958 jew qabel.

Fi stqarrija ntqal li l-ammont tal-ħruġ se jkun ta’ €60,000,000 suġġett li l-ammont jiżdied sa massimu ta’ €35,000,000 f’każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont tal-ħruġ.

It-termini tal-ħruġ huma simili ħafna għat-termini u kundizzjonijiet tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li nħarġu fl-aħħar tliet snin. Il-Bond jgħaddi mgħax b’rata fissa ta’ 3% fis-sena għall-perjodu kollu ta’ ħames snin sakemm idum il-Bond, li jimmatura fis-sena 2025. Il-Bond se jinħareġ b’parità f’unitajiet ta’ €100 u ma jistax jiġi nnegozjat, assenjat, trasferit lil xi individwu ieħor jew jingħata bħala rahan.

L-imgħax jitħallas kull sitt xhur b’lura fil-21 ta’ Jannar u fil-21 ta’ Lulju ta’ kull sena matul il-kors tal-Bond. Detenturi tal-Bond jistgħu jiġbdu l-ammont kollu investit qabel id-data tal-maturità soġġett għall-ħlas ta’ penali għall-fidwa bikrija ekwivalenti għal tliet (3) xhur imgħax gross fuq il-kapital miġbud bir-rata ta’ mgħax li jgħaddi l-Bond.

Applikazzjonijiet minn investituri eliġibbli għall-ammont minimu ta’ €500 sa massimu ta’ €10,000 kull persuna jiftħu fit-8.30 am tal-Erbgħa, il-15 ta’ Lulju, 2020 u jagħlqu l-għada fil-5pm tal-Ħamis, is-16 ta’ Lulju, 2020 jew qabel fid-diskrezzjoni tal-Accountant General. Is-sottoskrizzjonijiet fil-Bond iridu jsiru f’isem applikant wieħed biss.   

Applikanti eliġibbli ġodda tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta magħmula minn (i) individwi li twieldu fis-sena 1958 u (ii) individwi li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar tal-1958 li kienu eliġibbli li japplikaw fil-ħruġ tat-62+ Malta Government Savings Bonds tas-snin ta’ qabel iżda ma applikawx, jistgħu jniżżlu l-formola minn fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor jew jiksubha minn u jissottomettuha għand waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati u fornituri awtorizzati ta’ servizzi ta’ investment. L-allocation policy se tagħti preferenza lill-applikanti l-ġodda li s’issa għadhom ma nvestewx fit-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta.

L-individwi li pparteċipaw f’xi ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta ta’ qabel huma wkoll eliġibbli li japplikaw. Għalhekk dawn l-individwi se jirċievu ittra ta’ tagħrif u formola ta’ applikazzjoni bid-dettalji tagħhom mingħand l-Accountant General.  Id-detenturi eżistenti tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li huma nteressati li japplikaw għall-ħruġ il-ġdid tat-62+ Savings Bondgħandhom jissottomettu l-applikazzjoni għand waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati u fornituri awtorizzati ta’ servizzi ta’ investment.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-prospett li issa jista’ jitniżżel ukoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor.