Aġġornata: Ħruġ ta’ gass minn trakk fil-Mellieħa; djar evakwati

Ritratt: MHAS

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għadu għaddej b’ħidma delikata sabiex jaħraq gass li ħareġ minn bowser ta’ LPG Liquidgass fil-Mellieħa. Il-ħidma ilha għaddejja propju mil-lbieraħ filgħodu.

Fi stqarrija, id-dipartiment spjega li fil-bidu tal-ħidma, il-ħaddiema użaw teknikalitajiet differenti sabiex jitrasferixxu l-gass minn bowser għall-ieħor, iżda ma rnexxewx. Għas-sigurtà tal-pubbliku, tliet djar privati li jinsabu fl-inħawi ġew evakwati.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-ħruġ tal-gass beda għall-ħabta tat-8am, iżda r-rapport daħal lill-pulizija fis-2.30pm. Meta marru fi Triq il-Qasab li tinsab fiż-żona magħrufa bħal Santa Maria Estate, sabu erba’ trakkijiet tal-protezzjoni ċivili.

Fl-istqarrija ntqal kif uffiċjali għolja u 20 pumpier qed jieħdu sehem f’din il-ħidma li mistennija tieħu aktar sigħat biex titlesta. Sa issa, intuża ħames vetturi tat-tifi tan-nar u mad-90,000 litru tal-ilma. Uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, ħaddiema ta’ Liquidgas, Gasco, u kuntratturi tal-ilma privati qed jassistu f’din l-operazzjoni.

Intant id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili appella lill-pubbliku biex jevita ż-żona ta’ Santa Maria Estate, partikolarment Triq Għajn Żejtuna u Triq il-Qasab.