“Hotline għall-għalliema u studenti” – Chris Said

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li jekk ikun elett kap se jwaqqaf uffiċċju ta’ kuntatt u hotline, li jilqgħu s-suġġerimenti u l-ilmenti tal-għalliema, studenti u edukaturi
Fi stqarrija, Said qal li bħala Kap tal-PN se jagħti importanza kbira lill-edukazzjoni.
Chris Said wiegħed li jorganizza konvenzjoni ġenerali dwar l-edukazzjoni li tkun mifruxa fuq erbat ijiem.
Spjega li fiha jieħdu sehem ġenituri, għalliema, edukaturi u studenti u l-għan tagħha jkun li jinġabru l-ideat li jkunu ta’ bażi għall-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-kandidat wiegħed li jaħtar rappreżentant speċjali biex jgħin lill-kelliem tal-Oppożizzjoni f’dan il-qasam u li titfassal politika edukattiva għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Dwar l-għalliema, Chris Said qal li dawn se jkunu prijorità għall-Partit Nazzjonalista u li l-istess se jkun il-kontenut tal-edukazzjoni li jirċievu t-tfal.