Hostels Knisja: L-istudenti jħallsu €100 fix-xahar

Djoċesi t'Għawdex

L-istudenti Għawdxin jistgħu jħallsu €100 fix-xahar biex joqogħdu fil-hostels tal-Knisja għall-Għawdxin f’Malta.

Dan il-ħlas isir bħala kontribuzzjoni tul is-sena skolastika. Il-ħlas ta’ servizzi ta’ dawl, ilma, gass, eċċ. jinqasmu bejn l-istudenti kollha.

Iż-żewġ hostels li se tiftaħ il-Knisja f’Malta sabiex takkommoda lill-istudenti Għawdxin li qegħdin jistudjaw f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni terzjarja jakkommodaw 21 student.

L-istqarrija tad-djoċesi t’Għawdex spjegat li l-hostels, bejniethom, se jkun fihom 9 kmamar singoli, u 6 kmamar doppji, ħafna minnhom bil-banju en suite, skont stqarrija tal-Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja t’Għawdex.

Il-hostel tal-Gżira diġà tlesta, filwaqt li dak ta’ Gwardamanġa hu mistenni jitlesta dalwaqt. Tal-Gżira huwa għat-tfajliet, filwaqt li ta’ Gwardamanġa hu għall-ġuvintur. Kull kamra se jkollha skrivanija biex l-istudenti jużawha għall-istudju tagħhom. Se titqabbad ukoll persuna biex tmur tnaddaf il-kmamar komuni tal-hostel, filwaqt li xi nies se jitqabbdu biex jiċċekkjaw il-hostels kull ġimagħtejn.

Ilbieraħ, l-Isqof Mario Grech iltaqa’ mal-Kumitat tal-Gozo University Group, fejn fehemhom il-proċedimenti, u qablu li għandu jkun hemm membru mill-Kumitat fuq il-Bord tal-Għażla.

L-istudenti huma mħeġġin japplikaw billi jimlew il-formola t’applikazzjoni, li se tqis il-kriterji li se jimxi magħhom il-Bord, u jibagħtuha sat-22 ta’ Settembru.

Il-Bord tal-Għażla hu magħmul mis-Sur Victor Gusman mid-Djoċesi, Dr Joe Azzopardi, lekċerer fl-ekonomija, is-Sur Richard Matrenza, u membru mill-Kumitat tal-Gozo University Group (GUG).  Dawk li jintgħażlu se jisimgħu mingħand il-Bord sas-26 ta’ Settembru.