Hospice Malta tirċievi għotja ta’ €115K mingħand Farsons u l-affiljati tagħha

Donazzjoni se tmur lejn St Michael Hospice l-ewwel kumpless mill-aktar avvanzat tal-kura paljattiva f’Malta.

Il-Malta Hospice Movement, organizzazzjoni volontarja li tipprovdi u tippromwovi kura paljattiva lil persuni li jbatu mill-kanċer, motor-neuron disease, mard kardijaku, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied li jtemm il-ħajja, irċieva għotja ta’ €115,000 mill-Fondazzjoni Farsons, Farrugia Investments u Multigas Limited.  Id-donazzjoni, fuq perjodu ta’ tliet snin (2019-2021), se tmur lejn St Michael Hospice, l-ewwel kumpless mill-aktar avvanzat f’Malta li se jkun iddedikat kompletament biex jipprovdi kura paljattiva komprensiva.

Filwaqt li joffri s-servizzi tiegħu bla ħlas lil pazjenti f’Malta u Għawdex, il-kontribut tal-Hospice Movement hu magħruf sew fis-soċjetà Maltija. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1989, ħafna pazjenti u l-familji tagħhom, li jkunu qed jesperjenzaw żminijiet diffiċli ħafna, ibbenefikaw mis-servizzi ta’ din l-organizzazzjoni volontarja.

St Michael Hospice f’Santa Venera, li qabel kien magħruf bħala l-Adelaide Cini Institute, se jsir il-bini ewlieni għal Hospice Malta u dan mistenni jgħin biex is-servizzi tal-komunità li diġà huma stabbiliti jkomplu jitjiebu iktar. Il-kumpless se jkun fih in-patient care unit, li topera id f’id mas-servizzi l-oħra kollha ħalli b’hekk il-kura tkun waħda aktar olistika. Is-servizzi ta’ terapija preżenti se jiżdiedu u se jkun hemm ukoll numru ta’ kliniċi għall-out-patients. St Michael Hospice se jtejjeb ukoll il-fergħa edukattiva tiegħu u din se tiftaħ bosta opportunitajiet biex ikun hemm skambju ta’ għarfien espert ma’ ospizji oħra minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.

Il-kuntatt bejn il-Hospice Movement u Farsons ilu għaddej għal bosta snin. Din l-aħħar għotja minn Farsons u l-affiljati tagħha se tmur speċifikament lejn il-bini u t-tlestija tal-faċilitajiet ta’ kċina u kamra tal-ikel għall-in-patients f’dan l-ospizju ġdid, u li minnhom se jibbenefikaw il-pazjenti u l-familji tagħhom.

“Il-proġett ta’ St Michael Hospice għandu l-potenzjal li jagħmel differenza enormi fil-komunità. Ħafna Maltin kellhom membri tal-familja li kellhom bżonn il-kura speċjalizzata offruta minn Hospice Malta. Permezz ta’ din id-donazzjoni, nistgħu nappoġġjaw lill-Hospice Malta biex tkabbar aktar il-ħidma notevoli tagħha għall-benefiċċju tas-soċjetà Maltija,” qal iċ-Chairman is-Sur Louis A Farrugia f’isem Farsons u l-affiljati tagħha.

Ms Maria Gatt, iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta qalet: “Għadna kemm bdejna it-triq biex niffinanzjaw dan il-proġett li se jwassal biex l-ewwel Hospice Complex ta’ Malta jsir realtà, u nixtiequ nirringrazzjaw lil Farsons u lill-affiljati tagħha għall-appoġġ tagħhom. Peress li aħna NGO, li anki toffri is-servizzi kollha tagħha mingħajr ħlas, aħna niddependu għal kollox fuq donazzjonijiet volontarji biex inkunu nistgħu nkomplu bil-kura li noffru. Dan hu possibbli biss grazzi għall-ġenerożità ta’ individwi u kumpaniji ħalli b’hekk inkunu nistgħu nkomplu naqdu lil dawk li l-iktar għandhom bżonn. Permezz ta’ din id-donazzjoni lejn St Michael Hospice, Farsons u l-affiljati tagħha qed iwieġbu b’mod tanġibbli biex jgħinu lill-pazjenti futuri tagħna ħalli b’hekk jirċievu l-aħjar kura possibbli.”

Kull min hu interessat li jgħin lil  St Michael Hospice jista’ jċempel fuq 21440085 jew fuq info@hospicemalta.org.