Hospice Malta tgħin lill-familji tal-vittmi tal-Covid-19

RITRATT: CEO ta’ Hospice Malta Kenneth Delia jħabbar l-estensjoni tal-Hospice Bereavement Support lill-familji tal-vittmi tal-COVID-19.

Hospice Malta tħabbar li ser tgħin lill-familji tal-vittmi kollha tal-COVID-19, permezz tas-servizzi tal-bereavement support. L-NGO għarfet id-diffikultajiet u l-uġigħ ta’ bosta familji li tilfu l-maħbubin tagħhom minħabba l-pandemija COVID-19; u li ħafna minnhom ma setgħux lanqas jgħidu l-aħħar tislima tagħhom.

Is-CEO ta’ Hospice Malta Kenneth Delia qal li “Matul is-snin, Hospice ħadmet ma’ ħafna pazjenti, kif ukoll il-qraba u l-familji tagħhom permezz ta’ bereavement support. Illum qiegħdin nestendu s-servizz biex nappoġġjaw il-familji ta’ dawk li ħallew dil-ħajja waqt din il-pandemija terribbli.”

Care Services Manager Anna Frendo spjegat li “Il-familji tal-vittmi ta’ COVID-19 jesperjenzaw l-uġigħ kbir peres li ma jkunux viċin il-familjari tagħhom qabel ma jmutu. L-uġigħ, l-ansjetà u l-frustrazzjoni huma fost sentimenti oħra li jistgħu jikkumplikaw il-proċess ta’ niket. Hospice Malta se tkun qed tappoġġja lil dawn il-familji billi toffri il-bereavement support service mingħajr ħlas.”

Is-servizz se jkun offrut fuq bażi individwali, ġewwa Hospice Malta, jew fid-dar tal-familji, jew saħansitra onlajn permezz ta’ Zoom jew Skype, u jiddependi ħafna fuq is-sitwazzjoni, kif ukoll ir-restrizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun żgurata s-sigurtà, kemm tal-familji kif ukoll tal-impjegati tal-Hospice.

Il-persuni nkarigati biex jagħtu s-sessjonijiet tal-bereavement support huma psikologi jew social workers mħarrġa u esperjenzati f’dan is-settur.

Dawk il-familji li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz, jistgħu jċemplu lil Hospice fuq 21440085/6 jew jibagħtu email lil info@hospicemalta.org, mit-08:00 sal-16:00, mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Aktar informazzjoni dwar Hospice Malta tista’ tinstab ukoll fuq www.hospicemalta.org jew https://www.facebook.com/hospicemalta.org/

Imwaqqfa fl-1989, l-irwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jbatu mill-kanċer, motor neuron disease, mard tal-qalb, tal-kliewi u tal-fwied.

Dan it-tagħrif twassal minn Hospice Malta.