Hospice Malta tespandi s-servizzi tagħha

Matul l-2018, Hospice Malta kompliet tikkonsolida u tespandi s-servizzi tagħha offruti lil 1185 familja permezz ta’ pjanijiet ta’ kura individwalizzati. Dan għamlitu billi sar provediment ta’ aktar taħriġ lill-istaff professjonali kollu u sar titjib fil-proċeduri  flimkien ma’ introduzzjoni ta’ servizzi ġodda.

Imwaqqfa fl-1989, ir-rwol prinċipali ta’ Hospice Malta hu li tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li qed isoffru minn kanċer, motor-neuron disease u mard serju tal-qalb, tan-nifs, tal-kliwi u tal-fwied.

Fil-bidu tas-sena, beda jopera fis-sħiħ il-ġimnasjum tal-fiżjoterapija u pazjenti li jagħmlu użu minn terapija matul il-ġurnata kif ukoll pazjenti bil-kura f’darhom stess ibbenefikaw minn numru ta’ sessjonijiet ta’ fisjoterapija fil-faċilità.

Barra minn hekk, matul is-sena, beda proġett pilota fid-Day Therapy Unit, fejn darba f’ġimgħa, il-pazjenti bbenifikaw minn sigħat żejda ta’ terapija. Bdew ikunu offruti wkoll numru ta’ terapiji differenti, fosthom mużika u terapija permezz tal-annimali biex jgħinu fil-benessere psikoloġiku tal-pazjenti li jattendu d-Day Therapy Unit.

Dan apparti minn provediment ta’ aktar taħriġ lill-istaff professjonali kollu, permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, flimkien ma użu ta’ KPIs biex jiżguraw effiċjenza massima, effettività, kif ukoll sodisfazzjon għall-pazjenti.