Hong Kong maħnuqa bi protesti f’jum ta’ festa nazzjonali

Il-protesti f’Hong Kong ma battewx minkejja li llum hi festa nazzjonali. Pjuttost, jidher li l-folol żdiedu u komplew joħonqu ċ-ċentru tad-distrett finanzjarju.
Eluf huma dawk li ilhom jiem fit-toroq jipprotestaw kontra d-deċiżjoni miċ-Ċina, li tkun hi li tapprova l-lista tal-kandidati għall-elezzjonijiet f’Hong Kong tliet snin oħra.
Is-sitwazzjoni politika f’dan ir-reġjun awtonomu hi ftit ambigwa għaliex l-eks kolonja Ingliża ngħatat lura liċ-Ċina għal 50 sena, li jiskadu fl-2047, għalkemm kellha tingħata awtonomija fit-tmexxija.  
Imma 10 snin ilu, iċ-Ċina mponiet li tkun hi li tapprova bidliet fil-liġijiet elettorali ta’ Hong Kong, xi ħaġa li wasslet għal referendum mhux uffiċjali dan is-sajf, li ta bidu għall-protesti fit-toroq.
Iċ-Ċina qed tinsisti li tippermetti elezzjonijiet diretti fl-2017 imma tkun hi li tiddeċiedi dwar il-lista ta’ kandidati għal Hong Kong, iżda n-nies tal-post qed jiġġieldu kontriha.