Hong Kong lura għan-normal

Il-ħaddiema tal-Gvern fl-uffiċċji fil-qalba ta’ Hong Kong reġgħu daħlu għax-xogħol hekk kif il-folol ta' dimostranti battew kważi għal kollox. Kienu biss 100 dawk li dalgħodu kienu bilqiegħda mal-art quddiem l-uffiċċji tal-Gvern.
Għal iktar minn ġimgħa, il-qalba ta’ Hong Kong kienet ipparalizzata hekk kif it-toroq kienu magħluqa kompletament b'għexieren ta' eluf jipprotestaw favur id-demokrazija.
Ħafna dalgħodu baqgħu d-dar malli semgħu l-aħbar li rappreżentanti tal-istudenti qed jiltaqgħu mal-Gvern Ċiniż bit-tama li jaslu għal riforma politika.
Iċ-Ċina trid tivvettja hi l-lista ta’ kandidati għall-elezzjonijiet f’Hong Kong tliet snin oħra, imma r-residenti ta’ dan ir-reġjun awtonomu qed jiġġieldu għal elezzjonijiet ħielsa.