Hong Kong: It-tensjoni tibqa’ għolja

F’Hong Kong it-tensjoni għadha għolja minkejja li hemm rieda mill-Gvern li jsiru taħdidiet ma' dawk li qed jipprotestaw, biex jiżblokkaw is-sitwazzjoni.
Iżda dawn għadhom jisfidaw lill-Gvern biex il-mexxej politiku jirriżenja, li madankollu qed jirrifjuta.
Il-protesti, li ilhom għaddejjin ġimgħa, qed isiru kontra r-rieda taċ-Ċina li tivvettja l-lista tal-kandidati għall-elezzjoni tal-2017. Id-dimostranti, l-iktar żgħażagħ, iridu elezzjonijiet kompletament ħielsa.
Dalgħodu, l-uffiċċji tad-dipartimenti tal-Gvern fil-qalba tad-distrett finanzjarju baqgħu magħluqa, bil-ħaddiema jaħdmu mid-dar. Għalkemm il-folla naqset xi ftit, it-toroq fiċ-ċentru tal-belt għadhom imblukkati hekk kif minn ħin għall-ieħor teskala t-tensjoni bejn id-dimostranti u l-Pulizija.