Hong Kong: Eluf jipprotestaw kontra l-għejbien ta’ 5 persuni

Eluf ta’ nies inġabru fi protesta f’Hong Kong kontra l-għejbien ta’ ħames bejjiegħa tal-kotba minn ħanut magħruf li jbigħ xogħlijiet kritiċi taċ-Ċina.
Id-dimonstranti qed jibżgħu li tkompli tikber l-influwenza ta’ Beijing.
Waqt li bdew jgħajtu “għid le għall-ħtif politiku”, id-dimostranti mxew għall-uffiċċji tar-rappreżentat ta' Beijing f’Hong Kong.
Lee Cheuk-Yan, politikant favur id-demokrazija qal li dan l-għejbien kien pass għas-soppressjoni.
Lee Bo, li għandu passaport Ingliż, huwa l-aħħar wieħed li sparixxa lejn l-aħħar tas-sena l-oħra. 
L-aħħar li deher kien f’Hong Kong. 
Il-Gvern Ingliż qal li jinsab imħasseb ħafna dwar fejn jinsab u li talab informazzjoni dwaru mill-awtoritajiet Ċiniżi. 
L-awtoritajiet Ċiniżi qalu li kienu qed jinvestigaw bir-reqqa. 
Sadanittant ma kienx hemm kummenti fuq il-każ ta’ Lee Bo mill-gvern Ċiniż.