​Ħondoq: “Eskludu kull tip ta’ żvilupp turistiku”

Front Ħarsien ODZ qed isejjaħ lil Gvern u lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġi rivedut il-Pjan Lokali għal Għawdex, bil-għan li jeskludi kull tip ta’ żvilupp turistiku f’Ħondoq ir-Rummien. Sostna li l-iżvilupp ta’ jott marina f’Ħondoq għandu jiġi eskluż ukoll.
Fi stqarrija, filwaqt li esprima s-sodisfazzjon li l-ġimgħa li għaddiet l-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat żvilupp fiż-żona, il-Front Ħarsien ODZ saħaq li għandhom jingħalqu darba għal dejjem il-lakuni ta’ potenzjal għall-proposti futuri.
Sostna li għandu jkun hemm direzzjoni fuq riabilitazzjoni sensittiva taż-żona, li għandha tkun inkluża wkoll fid-dominju pubbliku.
L-FĦODZ irringrazzja lil Front Ħarsien Ħondoq u NGOs ambjentali oħra li kkampanjaw bil-qawwa kontra dan l-iżvilupp insensittiv sa minn meta ġie propost għall-ewwel darba fl-2002.