Ħolqa ta’ Tama – Ħalli timbru fl-istorja ta’ dan il-pajjiż

Isma’ Ftit nieda proġett bl-isem ta’ Ħolqa ta’ Tama. Dan il-proġett hu ġabra ta’ messaġġi u ħsibijiet dwar iż-żmien li għaddejin minnu.

Il-fundatur t’Isma’ Ftit, Clayton Saliba, jiddeskrivi din l-inizjattiva bħala opportunità għal kulħadd biex ikun parti mit-timbru ta’ din l-istorja f’pajjiżna. Permezz ta’ din l-inizjattiva, kull persuna tista’ tikteb il-messaġġ ta’ inkoraġġiment permezz tas-sit elettroniku www.ismaftit.com. Il-fundatur iħares lejn dan il-proġett bħala monument virtwali, mhux biss għalina lkoll imma l-iżjed għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Ħolqa ta’ Tama sservi ta’ spazju biex nibnu u nsaħħu lil xulxin u biex bis-saħħa ta’ kull min jipparteċipa niddokumentaw il-ħsibijiet, l-emozzjonijiet, il-kuraġġ u t-tama f’dan iż-żmien tal-pandemija.

Biex wieħed ikun parti minn dan il-proġett, għandu jidħol fis-sit elettroniku www.ismaftit.com, jagħfas fuq il-paġna Ħolqa ta’ Tama u jimla d-dettalji mitluba, inkluż il-messaġġ tiegħu.

Min jixtieq isegwi Isma’ Ftit u l-proġett Ħolqa ta’ Tama jista’ jagħmel dan billi jżur il-paġna ta’ facebook jew jidħol fis-sit elettroniku għal doża tajba ta’ pożittività li hi tant bżonnjuża għaż-żminijiet li għaddejin minnhom.

Diversi personalitajiet diġà ħallew il-messaġġi tagħhom. Għalhekk inħeġġu lil kulħadd biex iħalli t-timbru ta’ tama tiegħu billi jagħfas fuq il-link t’hawn taħt.