Hollie Cassar tibda l-provi għall-musical ta’ Gloria Estefan

Ritratt: Facebook

Dan l-aħħar, fir-Renju Unit bdew il-provi għall-musical ta’ Gloria u Emilio Estefan li jġib l-isem ta’ On Your Feet!

Dan ikkonfermatu Hollie Cassar stess permezz ta’ post fuq il-paġna tal-Facebook tagħha. Cassar intagħżlet biex tkun parti mill-kast ta’ din il-produzzjoni li se tkun qed iddur bosta teatri fir-Renju Unit minn Ġunju li ġej.

Lil Hollie Cassar bosta jiftakruha fil-programm L-Isfida tal-2007, edizzjoni li kienet rebħet u li permezz ta’ hekk kienet ingħatat scholarship ta’ tlett snin f’Cambridge, fl-Ingilterra.

Minn dak iż-żmien Hollie qatt ma ħarset lura u kienet involta f’numru ta’ produzzjonijiet hemmhekk.  Illum il-ġurnata hija miżżewwġa lil Michael Riseley, li wkoll jaħdem fil-qasam tal-musicals.

Ritratt: Facebook

On Your Feet! se jkun musical li jdur ir-Renju Unit u se jiftaħ fl-14 ta’ Ġunju fl-ikbar teatru fil-West End, il-Coliseum f’Londra, u jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Awwissu.

Wara dan il-musical se jdur ir-Renju Unit fosthom Edinburgh, Sunderland, u Birmingham.

Biex intgħażlet għal dan il-musical, Hollie Cassar kellha tgħaddi minn numru kbir ta’ provi u għall-ewwel waħda hi marret bil-kanzunetta Nobody Does It Better ta’ Carly Simon u wara tawha kanzunetta mill-musical.

Ritratt: Facebook

Wara sensiela oħra ta’ provi għal On Your Feet!, Hollie Cassar intgħażlet biex tkun parti mill-ensemble kif ukoll tagħmel l-understudying ta’ tnejn mill-karattri ewlenin, Gloria Fajardo u Consuelo.

On Your Feet! għandu korjografija ta’ Sergio Trujillo u se jkun taħt direzzjoni ta’ Jerry Mitchell, li fi Broadway ħa ħsieb produzzjonijiet bħal Kinky Boots u Legally Blonde, fost ħafna oħrajn.