Akkużat li aggredixxa lil Liam Debono issa jassisti f’hold-up

Żagħżugħ ta’ 18-il sena li fl-aħħar ġimgħat ġie akkużat li aggredixxa lil Liam Debono, tressaq il-Qorti llum akkużat ukoll li għen waqt hold-up li seħħ f’Ħaż-Żabbar fit-13 ta’ Novembru. Debono huwa ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li kaxkar kuntistabbli tal-Pulizija.

Hu u żagħżugħ ieħor tressqu l-Qorti llum akkużati li assistew f’hold-up billi qagħdu għassa u servew bħala xufiera lesti sabiex iħarrbu lill-ħalliel minn fuq il-post malli jwettaq is-serqa. Is-serqa sfat fix-xejn meta impjegat fil-ħanut irreżista lir-raġel mgħammad u armat b’arma tan-nar li daħal sabiex iwettaq is-serqa. Raġel ta’ 46 sena minn Ħal Balzan ġie arrestat u tressaq il-Qorti akkużat bil-hold-up.

Iż-żagħżugħ l-ieħor li tressaq il-Qorti llum għandu 23 sena u dak ta’ 18-il sena wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Madanakollu ż-żewġ żgħażagħ instabu riċedivi hekk kif kienu qed iservu ħelsien mill-arrest fuq każi separati. Għaldaqstant huma ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.

Serqa bl-isparaturi f’Ħaż-Żabbar

Propju fit-13 ta’ Novembru, kien seħħ hold-up f’ħanut f’Ħaż-Żabbar li matula kienu ġew sparati wkoll xi tiri. L-attenta kien seħħ għall-ħabta tat-8.10pm fi Triq il-Kbira. Il-ħalliel kien ġie arrestat minnufih.