Hockey: Rebħa għal Qormi ttellagħhom fl-ewwel post

Qormi Poiatti telgħu f'ras il-klassifika tal-kampjonat tal-Hockey meta għelbu lil Rabat bl-iskor ta' 4-1.
Kienu Rabat li fetħu l-iskor fit-13-il minuta u wara diversi saves mill-gowler Shameson Mifsud ta' Qormi, dawn tal-aħħar irnexxielhom iġibu d-drò fl-24 minuta minn penalty corner.
Fit-30 minuta Qormi għamluhom 2-1 u żammew il-vantaġġ sa tmiem l-ewwel taqsima biex wara l-intervall, Qormi komplew jiddominaw u żiedu żewġ gowls oħra fit-58 minuta u fl-aħħar minuta tal-partita.
F'logħba oħra, din id-darba ferm iżjed bilanċjata, Laferla White Hart u Young Stars spiċċaw fi drò ta' 3-3.
Kienu White Hart li fetħu l-iskor fir-raba' minuta b'Young Stars iġibu d-drò fl-20 minuta logħob.
Sa tmiem l-ewwel taqsima, Young Stars irnexxielhom idawwru r-riżultat għal 3-1 b'gowl fit-30 minuta u ieħor lejn it-tmiem.
Fit-tieni taqsima White Hart skurjaw tnejn f'żewġ minuti, fid-59 u fil-61 minuta biex iż-żewġ timijiet baqgħu iżommu r-riżultat sat-tmiem.
Fil-klassifika, Qormi jinsabu l-ewwel b'6 punti minn 3 logħbiet, Hotsticks it-tieni b'5 punti minn 4 logħbiet, Young Stars it-tielet, White Hart il-ħames u Rabat fl-aħħar post.