​“Ħobbuni jew obogħduni jien se nibqa’ nitkellem” – L-Arċisqof

“Ħobbuni jew obogħduni jien se nibqa’ nitkellem".  Hekk stqarr l-Arċisqof Charles Scicluna waqt il-programm Follow Up fuq RTK.
Huwa fakkar fi kliem il-Papa Franġisku, li l-Knisja ma tistax tibqa’ fis-sagristija “nistennew li nikkuraw lil min jogħġbu jiġi”.
Qal li ma jiħux pjaċir bl-attakki kontrih, iżda jifhem li jrid jaċċetta l-ambjent li bagħtu fih il-Mulej.
Mons. Scicluna stqarr li l-Knisja tħoss li għandha tagħti sehemha sakemm l-istat ikun pwerili, tant li jaħseb għal xawwatu qabel ma jaħseb fil-ġid komuni.
Huwa saħaq li iktar ma jimmatura l-istat, inqas ikun hemm bżonn l-involviment tal-Knisja.
Semma kif il-Knisja kienet pijuniera fost l-oħrajn fis-settur tal-edukazzjoni. Irrimarka li issa l-istat qed jinvesti ħafna fl-edukazzjoni, fost l-oħrajn b’investimenti barranin, anke minn skejjel tal-mediċina.
L-Arċisqof saħaq li meta jwassal it-tagħlim tal-Knisja ma jkollu l-ebda intenzjoni li jikkritika personalment lil xi ħadd.
Enfasizza li meta l-politiċi jitqarrsu għal dak li jgħid, ikunu qed jitqarrsu għal xi raġuni, u li għandhom jippruvaw jifhmu għaliex ikunu qed jagħmlu dan.
Filwaqt li stqarr li kulħadd għandu dritt jikkritika lill-Knisja, l-Arċisqof jesiġi dwar l-importanza li hu ma jistax jaħbi t-tagħlim tal-Knisja, pereżempju fuq il-ġid komuni.
Mons. Scicluna irrimarka li bħala Arċisqof għandu l-obbligu li jindirizza u jwassal kliem ta’ faraġ u ta’ verità lill-istat u lil min jirrappreżenta l-poplu.
L-Arċisqof fakkar ukoll li meta wieħed jikkritika ma jkunx qed jobgħod jew juri disprezz. 
Fl-istess waqt stqarr li meta nużaw il-mezzi soċjali ħafna drabi jintesa s-sens ta’ responsabbiltà. Tenna d-diskors li qal wara l-mewt tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, biex “nieħdu ħsieb xulxin, ma niddemonizzawx lil xulxin.”